It-tfal b’tal-linja card ġdida

It-tfal issa għandhom tallinja card ġdida. 
Il-card il-ġdida tinkludi t-tpinġija rebbieħa ta’ Anthea Mamo, li ntgħażlet fost aktar minn 400 tpinġija ta’ studenti f’Malta u Għawdex ta’ bejn 5 u 10 snin. Anthea Mamo esprimiet b’entużjażmu li kienet kuntenta ħafna illi t-tpinġija tagħha kienet se tidher fuq it-tallinja card għat-tfal il-ġdida, hekk kif il-ġenituri tagħha dehru kburin b’binthom.
Minbarra li t-tpinġija rebbieħa tagħha ġiet stampata fuq it-tallinja card għat-tfal, Anthea rebħet ukoll premijiet, fosthom sena ta’ trasport b’xejn fuq il-karozzi tal-linja, sett tal-arti, Maxi Micro scooter kif ukoll 3D Printer għall-iskola li fiha tattendi.
Ingħataw ukoll premijiet lil Faye Galea minn St Dorothy’s Junior School ta’ Ħaż-Żebbuġ  u lil Kirsten Azzopardi mill-iskola ta’ St. Joseph tal-Blata l-Bajda li ġew it-tieni u t-tielet rispettivament. Dawn iż-żewġt itfal rebħu Maxi Micro Scooter u 3D Printer għall-iskola tagħhom.
Malta Public Transport ħabbret ukoll li se tniedi kampanja msejħa Road Safety Trip, fejn studenti se jkollhom l-opportunità illi jivvjaġġaw fuq karozza tal-linja u jipparteċipaw fi preżentazzjoni interattiva dwar is-sigurtà fit-triq.
Bħala parti mill-ħidma tagħha biex tippromwovi l-użu tat-trasport pubbliku, Malta Public Transport se toffri tallinja cards ġodda għat-tfal b’xejn lill-ewwel 3,000 student ta’ skejjel primarji li jipparteċipaw fir-Road Safety Trip u japplikaw għal tallinja card permezz tal-iskola tagħhom.