Mariella Wirth, omm Karl, żagħżugħ bid-Down Syndrome tirrakkonta dak li għaddew minnu meta Karl beda jmur l-iskola.
F’intervista fuq RTK 103FM, Mariella qalet ma’ Dr Joe u Anna Cassar, kemm sabu oppożizzjoni mill-għalliema u ġenituri ta’ tfal oħra, għax fi kliemha ma ridux lil binhom magħhom fil-klassi.
“Dak iż-żmien kienet differenti ħafna mil-lum”, żiedet tgħid Mariella. Spjegat kif darba missier tifel qalilha “You don’t put a rotten apple with good apples because it will make the whole”. Irrimarkat li jeżistu ħafna diżabilitajiet u dawk li għandhom “tfal normali” ma jistgħux ma jimpurtahom minn xejn. “Sibt ħafna ostakli, ġieli kont insibu l-iskola barra fil-kuritur”, kompliet tgħid Mariella.
Saħqet li fil-bidu kienet tbati u tweġġa’ ħafna, iżda fl-istess ħin saret aktar f’saħħitha biex tiġġieled is-sitwazzjoni. Filwaqt li qalet li ma tagħtix tort lill-ġenituri għax forsi kienu jibżgħu, spjegat il-weġgħa li kienet tħoss kif meta beda jikber inqas bdew iċemplulu t-tfal biex imur jilgħab magħhom.
“Kontinwament nippruvaw nuru lin-nies x’inhuma l-karatteristiċi ta’ dawn it-tfal, pereżempju li ma jindunawx bil-periklu”, irrimarkat Mariella.
X’ħasset Mariella meta twieled Karl?
Mariella tgħid li meta twieled Karl ħasset id-dinja taqa’ madwarha u ma kinitx taf x’suppost għandha tagħmel. Spjegat li dak iż-żmien ma tantx kien hemm għajnuna għall-ġenituri bi tfal bid-Down Syndrome. Esprimiet l-apprezzament tagħha meta marru jkellmuha mill-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome.
“Kienu għadhom kemm daħlu l-kompjuters u bdejt nagħmel ħafna riċerka onlajn… naqra u niffissa fil-ħażin biss”, kompliet tgħid Mariella, filwaqt li qalet li r-raġel qalilha biex tieqaf tfittex u taqra.
Stqarret li minn dakinhar bdew kemm jista’ jkun irabbu lil Karl bħala tifel normali. Fissret li għandu l-limitazzjonijiet bħalma għandu kulħadd.
“Bħalissa jixtiequ ħafna li jiżżewġu” – omm