It-tfajliet imħeġġa jaspiraw għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija

Illum il-11 t’Ottubru huwa il-Jum Dinji tat-Tfajla, jum imwaqqaf fl-2012 min-Nazzjonijiet Magħquda, fejn l-iskop prinċipali huwa li ninkoraġġixxu tfajliet biex jaspiraw għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija f’karigi professjonali u dawk soċjali. 
Biex ifakkru din l-okkażżjoni, l-impjegati ta’ Newsbook.com.mt, RTK 103FM u tal-Media Centre llum ingħaqdu flimkien biex jieħdu pawża mix-xogħol tagħhom u jqattgħu ftit minuti flimkien. Ħadu wkoll ritratt tal-okkażjoni li simbolikament juri kemm RTK Ltd, il-midja prinċipali tal-Knisja f’Malta, verament temmen fil-kapaċitajiet tan-nisa. 
Fil-fatt, in-nisa huma fl-ogħla karigi f’din l-organizzazzjoni fosthom l-Editor-in-Chief, Head of News u anke s-Sales Manager. Dan juri biċ-ċar kemm RTK Ltd tmexxi bl-eżempju. 
Sadanittant, il-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi illum ikkoospitat ma’ għadd ta’ MEPs minn gruppi politiċi differenti, avveniment li nieda l-inizjattiva dinjija Girl2Leader organizzata mill-Women Political Leaders Global Forum fil-Parlament Ewropew. 
L-għan tal-inizjattiva huwa li aktar tfajliet jiġu mħeġġa jaspiraw għal rwoli ta’ tmexxija billi jiltaqgħu ma’ politiċi nisa f’pajjiżhom. “Permezz tal-għaqda tagħna fuq kwistjoni hekk importanti, urejna fil-prattika l-impatt li jħalli meta jkollna aktar nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija”, skont Marlene Mizzi. 
L-inizjattiva ttellgħet taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca. 
Il-Women Political Leaders Global Forum (WPL), li organizza din l-inizjattiva, huwa netwerk globali ta’ politiċi nisa. Il-missjoni tad-WPL hija li żżid kemm l-għadd kif ukoll l-influwenza tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija politiċi.