It-tfajliet Amerikani jiġġennu fuq is-suspettat tal-isplużjoni f’Boston

L-idolu l-ġdid tal-adoloxxenti jismu Dzhokhar Tsarnaev, is-suspettat ewlieni tal-isplużjonijiet waqt il-maratona ta’ Boston f'April li għadda, li ġennen warajh eluf tfajliet u li poġġewh fuq l-istess livell tal-kantant Justin Bieber u tal-kantant tal-grupp One Direction Harry Styles.

Bħalissa fuq Facebook, imma l-iktar fuq Twitter it-tfajliet qed jitfgħu kummenti u ritratti b’messaġġi ta’ imħabba lejn Tsarnaev. 

“Attraenti, gustuż u affaxxinanti” – Dawn huma wħud mill-aġġettivi li t-tfajliet Amerikani wżaw biex jiddeskrivu lil Dzhokhar.

Fil-25 ta’ April li għadda, għaxart ijiem wara mill-isplużjonijiet f’Boston, tfajla li tgħid li għandha 16-il sena ħolqot account fuq Twitter bl-isem ta’ “FreeJahar97” u l-ewwel tweet kienet jekk hemmx xi ħadd ieħor – apparti hi – li jemmen li ċ-Ċeċen Dzhokhar Tsarnaev hu innoċenti.  Tfajla oħra li wieġbet lura qalet li qed taħsibha serjament li ssir musulmana biex tkun tħossha iktar viċin ta’ Tsarnaev.

Xi ħadd fuq twitter bl-isem ta’ Tsarnaev5ever kitbet li: “Jahar se jiġġennen magħluq f’dik iċ-ċella bi ktieb biss …Nixtieq nibgħatu xi flus.  Xi ħadd jaf l-indirizz?! … Kitbet ukoll: “Miskin Jahar … għandu biss 19-il sena.  Ħadd ma ħaqqu jkun magħluq ġo kamra kbira għaxar b’metri b’għaxra”.

Shadowlilly1993 ħalliet dan il-messaġġ: “Iġġudikawni kif tridu.  Jien miegħu nżomm.  Dan iż-żagħżugħ għandu bżonn iktar nies warajh.  Nispera li xi darba jirnexxieli niltaqa’ miegħu.  Jaffaxxinani”.

Tfajla oħra saħansitra qalet li lesta taħrab mid-dar basta jkollha ċ-ċans tarah u tiltaqa’ miegħu.

Fuq Facebook hemm il-grupp 'Dzhokhar Tsarnaev is Innocent' li għandu iktar minn 8,400 membru. Dan il-grupp qed jgħid li anqas ħu Tsarnaev mhu responsabbli għall-isplużjoni ta’ Boston. Skont is-sostenituri ta’ dawn ż-żewġ aħwa, il-gvern Amerikan ħallas lill-kumpanija Craft International, biex tagħmel frame-up lill-aħwa Ċeċeni.  Din il-kumpanija jidher li tħarreġ membri tal-pulizija u tal-militari biex ikunu ppreparati għal sitwazzjonijiet ta’ ġlied.