It-tfajla tal-aggressur f’Pariġi fuq is-CCTV f’Istanbul

It-tfajla tal-aggressur li attakka s-supermarket f’Pariġi dehret fuq is-CCTV fl-ajruport ta’ Istanbul.
Filmat ippubblikat minn gazzetta Torka juri lit-tfajla Hayat Boumeddiene għaddejja ma’ raġel ieħor mill-bieb tal-kontroll tal-passaporti fl-ajruport ta’ Istanbul nhar it-2 ta’ Jannar.
Il-filmat juri lit-tfajla li hi tant imfittxa mill-Pulizija Franċiża flimkien ma’ raġel ieħor fl-ajruport Sabiha Gokcen f’Istanbul.
Hu maħsub li bħalissa t-tfajla tinsab fis-Sirja.
Il-Pulizija Franċiża qed tfittex lit-tfajla wara li Coulibaly u ż-żewġt aħwa Kouachi nehdew attakk fuq ir-rivista satirika Charlie Hebdo u supermarket f’Pariġi, il-ġimgħa li għaddiet.
Madwar 10,000 suldat kienu impjegati fi Franza wara dawn l-attakki.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fit-Turkija qal li t-tfajla waslet it-Turkija fit-2 ta’ Jannar minn Madrid u kompliet bil-vjaġġ lejn is-Sirja sitt ijiem wara.