It-tfajla ta’ ‘El Chapo ta’ Malta’ thedded lil xhud; arrestata mill-ġdid

It-tfajla ta’ Jordan Azzopardi akkużat bi traffikar ta’ droga, reġgħet inżammet arrestata wara xhieda li ħarġet fil-Qorti. Dan minħabba li allegatament pruvat tħallas €20,000 lil wieħed mix-xhieda biex ma jixhidx kontra Azzopardi.

Fis-seduta li għaddiet, Azzopardi talab għall-ħelsien mill-arrest iżda dan ġie miċħud mill-Maġistrat. It-tfajla ta’ Azzopardi ngħatat il-ħelsien mill-arrest fit-3 ta’ Mejju li għadda.

Jason Zammit li bħalissa qed jiskonta sentenza fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin b’konnessjoni ma’ rejd rad-droga li sar fl-2018 fil-Gżira. Fil-Qorti huwa identifika lil Azzopardi u qal li kien jixtri d-droga eroina u kokaina mingħand Azzopardi.

Zammit qal li ltaqa’ ma’ Azzopardi fil-Mosta sentejn u nofs ilu fejn Azzopardi kien offrielu xogħol. kompla li Azzopardi qallu li hu jtih 20g droga u jara hu kif ibigħha u jħallsu tagħhom. Spjega li l-ammonti kienu ta’ 100g kull tlieta jew erbat ijiem.

Huwa spjega li kien jiltaqa’ ma’ Azzopardi f’garaxx f’Birkirkara li kien imdawwar bil-kameras. Zammit qal li darba tagħtu fit fil-garaxx u kien hemm madwar 10 persuni li kienu ġewwa. Azzopardi qallhom biex ma jċemplux il-Pulizija. Meta mistoqsi jekk jiftakarx l-ismijiet huwa qal li persuna waħda kunjoma Gonzi daħlitlu mgħarfa f’ħalqu biex ma jiblax ilsienu.

Zammit spjega li diversi persuni fil-ħabs talbuh biex jibdel ix-xhieda tiegħu iżda hu qal li ma tax kas dawn in-nies.

Luke Vella li kien arrestat fil-maħżen tad-droga spjega kif inu il-maħżen tad-droga f’Birkikara u qal li tinbigħ kull tip ta’ droga. Vella qal ukoll li l-istess negozju kien għaddej f’garaxxijiet simili fil-Marsa, il-Pietà u l-Gżira.

Vella spjega wkoll li meta kien jidħol ġewwa kien jara ħaddiem li kien jaħdem ma’ Azzopardi f’gaġġa.  Żied li t-tfajla ta’ Azzopardi qabbdet lil ċerta wieħed Mangion iċempillu u joffrilu €20,000 biex ma jixhidx kontra Azzopardi. Huwa qal li kellu jiltaqa’ ma’ xi ħadd u dan kellu jgħidlu x’għandu jgħid. Spjega li diversi persuni marru jkellmuh biex jikkonvinċuh biex ma jixhidx fosthom it-tifel ta’ Jordan Azzopardi u t-tfajla tiegħu. Huwa qal li t-tfajla ta’ Jordan hedditu li tqabbadlu l-karozza bħalma hu għamel lilha. Fil-Qorti madankollu Vella ċaħad li għamel dan.

Fil-Qorti l-Ispettur Mark Mercieca informa lill-Qorti li kien se jerġa’ jarresta lit-tfajla ta’ Jordan wara x-xhieda li kien għadu kemm sema’.