It-teżorier tal-PN f’kontroversja dwar il-vot tas-Sibt; il-PN iwieġeb

Read in English.

Lanqas laħqet ħarġet l-ittra tal-Kumitat Reġjonali tal-PN ta’ Għawdex lit-tmexxija tal-partit li ma komplietx tikber il-kontroversja.

Sorsi qrib il-PN qalu ma’ Newsbook.com.mt li ma kienx biss David Stellini li vvota mingħajr ma kellu d-dritt jagħmel dan, imma anke David Camilleri, it-teżorier tal-PN. Camilleri kellu biss observer tatus fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv. Minkejja dan, l-lista tas-segretarju ġenerali tal-PN indikat lil David Camilleri bħala eleġibbli biex jivvota.

Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

Il-PN irrifjuta li jagħti tweġiba diretta għall-mistoqsijiet diretti ta’ Newsbook.com.mt:

David Camilleri, it-teżorier, kellu vot? Ivvota nhar is-Sibt?

Minflok sempliċi “iva” jew “le”, il-PN bagħat dan id-diskors sħiħ:

“Il-vot li ttieħed is-Sibt mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN kien trasparenti, demokratiku, u leġittimi. Kien hemm turnout għolja ħafna, u l-assentiżmu kien baxx ħlief għal ftit; fosthom kien hemm min kien imsiefer.

“L-elezzjoni għall-co-option ta’ membru parlamentari ġdid skattat mir-riżenja ta’ David Stellini mill-parlament li hu nnifsu kien ġie elett minn elezzjoni każwali għas-siġġu ta’ Mathese Portelli li ġiet eletta fuq id-9 u t-13-il distrett. David Stellini qal pubblikament li kien se jirreżenja mill-Parlament imma li ma kienx se jirreżenja immedjatament mill-irwol tiegħu bħala President tal-Kunsill Amministrattiv.

“Jean Pierre Debono, kandidat għas-7 distrett u Kevin Cutajar, kandidat għat-13-il distrett immedjatament esprimew interess li jokkupaw il-post li ħalla David Stellini fil-parlament però oħrajn ukoll kienu jkunu eliġibbli. Iż-żewġ kontestanti ngħataw minn qabel lista ta’ dawk li setgħu jivvutaw flimkien mad-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Ħadd mill-kandidati oġġezzjona dwar xi wieħed mill-ismijiet fuq il-lista.

“Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, Dr Adrian Delia ripetutament stieden lil kull parti oħra interessata biex tippreżenta n-nomina tagħha.

“Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, beda dibattitu estensiv dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi taż-żewġ co-options u kull membru li wera x-xewqa li jintervjeni ġie mistieden jagħmel hekk bla tfixkil. David Stellini, bħala membru, kien hemm matul il-proċess sħiħ u l-ebda membru ieħor ma oġġezzjoni, fl-ebda ħin, għall-preżenza tiegħu u l-interventi tiegħu.

“Kif inhi l-prattika kostanta, il-membri kollha tal-Kumitat Eżekuttiv bi dritt għal vot issejħu wieħed wieħed b’vuċi għolja mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv u mill-President tal-Kummissjoni Elettorali. Sussewentement ingħataw id-dokument li kellhom jissottomettu. L-isem ta’ David Stellini reġa’ nstema’ u għal darb’oħra ħadd ma oġġezzjona.

“Wara li saret rikonċiljazzjoni u l-proċess tal-għadd ir-riżultat tal-elezzjoni tħabbar mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv u l-President tal-Kummissjoni Elettorali. Ir-riżultat għadda u ħadd ma oġġezzjona. Ir-riżultat għalhekk huwa validu u ħadd m’għandu jqajjem dubji dwaru.

“Għal darb’oħra l-PN jixtieq jifraħ lil Jean Pierre Debono għall-kariga ġdida tiegħu filwaqt li b’qalbu kollha jirringrazzja lil Kevin Cutajar għall-interess tiegħu li jservi lill-partit u lill-pajjiż.”

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Uffiċċju tal-Ispeaker irċieva komunikazzjoni mill-Partit Nazzjonalista li titlob li l-mozzjoni għall-co-option ta’ Jean Pierre Debono li kellha titressaq għada fid-9 am tiġi posposta.