It-testijiet tat-teorija għal-liċenzja dalwaqt lura għan-normal – TM

Miguela Xuereb

Transport Malta ħabbret li t-testijiet tat-teorija għal-liċenzja tas-sewqan se jiġu lura għan-normal minn għada. Dan wara li l-uffiċini spiċċaw iġġarrfu flimkien ma’ dar f’Tal-Pietà l-ġimgħa li għaddiet.

Fi stqarrija, Transport Malta spjegat li t-testijiet se jibdew isiru f’post ġdid bl-indirizz 114, It-Telgħa ta’ Gwardamanġ, f’Tal-Pietà, propju faċċata tal-uffiċċju l-antik. It-testijiet li kellhom isiru bejn il-25 t’April u llum kien tħassru kollha sakemm jinstab post ġdid fejn dawn setgħu jsiru.

Aqra: Dar u appartamenti jiġġarrfu f’Tal-Pietà

Kif inhi l-iskeda tal-eżamijiet?

Sat-30 ta’ Ġunju l-eżamijiet isiru bejn it-8am u t-3pm kull nhar ta’ Tnejn, Tlieta u Ħamis, bejn il-11am u l-5pm kull nhar t’Erbgħa u bejn it-8am u s-1pm kull nhar ta’ Ġimgħa.

Intant, mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru, l-eżamijiet isiru bejn it-8am u nofsinhar kull nhar ta’ Tnejn, Ħamis u Ġimgħa, bejn it-8am u t-3pm kull nhar ta’ Tlieta u bejn il-11am u l-5pm kull nhar t’Erbgħa.

X’ġara f’Tal-Pietà?

Dar f’Tal-Pietà ġġarfet tard bil-lejl fl-24 t’April, propju maġenb żona fejn qed jinbnew xi appartamenti. Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li l-każ seħħ għall-ħabta tal-10.15pm fit-Telgħa ta’ Gwardamanġa. Fil-bini kien hemm aktar minn erba’ persuni iżda jidher li ħadd ma weġġa’ kawża tal-inċident.

Aqra: Tista’ tgħin lill-familji affettwati mit-tiġrif f’Tal-Pietà?

Intant, propju l-għada tal-każ, il-Kunsill Lokali Tal-Pietà fetaħ kont bankarju sabiex kull min jista’ jagħti donazzjoni li mbagħad tmur biex tgħin lil dawk li tilfu darhom kawża tat-tiġrif. Dwar il-każ, il-Gvern qal li l-kuntrattur li kien qed jibni biswit il-binja li ġġarrfet kien issottometta d-dokumenti kollha u ma kienx hemm rapporti dwaru.

Aqra: “Ma kienx hemm rapporti dwar il-bini f’Tal-Pietà” – il-Gvern