“It-tesserati jridu jaraw min hu l-aħjar mexxej” – Abela

Read in English.

Meta kien qed jindirizza l-aħħar attivitajiet politiċi fil-kampanja elettorali għat-tmexxija tal-Partit Laburista Dr Robert Abela qal li fl-għażla li ser ssir is-Sibt it-tesserati iridu jaraw min hu l-aħjar mexxej li jwassal il-messaġġ u li jkun l-aktar jappella fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Abela qal li l-Partit Laburista irid jibqa’ jkun l-partit li jappella għall-aktar firxa wiesgħa ta’ nies, riċetta li ħadmet u għamlet lill-Partit Laburista dak li hu llum. 

Huwa spjega li l-għażla tal-elettorat nhar is-Sibt trid tkun għażla li tħares li tippreżerva l-kontinwità f’dik ir-riċetta li tat tant suċċess minflok riċetta ġdida, li filwaqt li jista’ jkun ittina riżultati aħjar, tista’ tagħti wkoll rizultati agħar. Huwa enfasizza li dan mhux iż-żmien ta’ “esperimenti.”

Qal li trid tinżamm ir-riċetta ta’ partit li huwa miftuħ għal kulħadd, partit li jkompli jinfetaħ għal min hu ġenwin. Huwa enfasizza li fil-mument li jibdew jintużaw messaġġi diviżivi jkun qed isir żball. Saħaq li dan hu l-mument tal-għaqda fil-partit, li twassal għall-għaqda nazzjonali. 

Sadanittant, meta kien qed jiġi intervistat waqt il-programm Xtra, Abela qal li l-mara tiegħu mhux ser tkun qed tagħmel, jew tipprova tagħmel, xogħol tal-gvern. Huwa kien qed jirreferi għal kummenti preċedenti li ndikaw mod ieħor.