Awdjo: “It-terroriżmu joffendi l-qalb tal-Ħallieq” – L-Arċisqof

L-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles Scicluna sostna li t-terroriżmu joffendi l-qalb tal-Ħallieq u li, bħalma qal il-Papa Franġisku, meta toqtol nies innoċenti f'qasir il-għomor, inti tkun qed tagħmel l-ikbar ħsara.
L-Arċisqof kien qed jitkellem waqt l-omelija taċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità ta’ Kristu Re fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, hekk kif illum il-Knisja qed tiċċelebra l-festa ta’ Kristu Sultan li tagħlaq is-sena Liturġika tal-Knisja, biex imbagħad il-Ħadd li ġej tagħti bidu għas-sena Liturġika li ġejja li matulha se jiġi ċċelebrat il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena.
It-tema taċ-ċelebrazzjoni 'Kristu Sultan: Ħenn Għalina' hija marbuta mal-ħsieb tal-Papa għall-Ġublew tal-Ħniena, li ħa jiftaħ fis-solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru.
Mons. Scicluna qal li din il-ġimgħa l-Ewropa ħadet skoss meta kienet milquta mill-istallett tat-terroriżmu, u saqsa kif se nirrispondu għal daqshekk vjolenza. Qal li n-Nisrani jrid jirrispondi b’lingwaġġ differenti u dan ifisser li wieħed irid jaħfer lill-għadu tiegħu.
Sostna li quddiem il-vjolenza, l-inġustizzja u t-terroriżmu, m’għandniex nirrispondu bl-istess lingwaġġ, iżda għandna nirreżistu għat-tentazzjoni li nirrispondu għall-vjolenza bi vjolenza u b’vendetta għall-ħsara li ssir.
L-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-importanza li nipproteġu l-ħajja mill-bidu nett tat-tnissil. Sostna li rridu nieħdu ħsieb ħutna, anke dawk li għadhom ma twieldux. Qal li l-kelma ħniena tfisser ukoll responsabbiltà li nħarsu lil min hu l-iktar vulnerabbli, il-ħlejqa li l-iktar għandha bżonn protezzjoni.
Intant, il-festa ta’ Kristu Sultan ġiet iċċelebrata wkoll f’Għawdex, fejn fl-omelija l-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li l-għotja u l-imħabba huma kollha rikkezzi li għandha l-ħajja kkonsagrata. Hu spjega li jrid jintroduċiha bħala servizz lill-familji tagħna u qal li meta naċċettaw lil xulxin u d-diversità tagħna, din ngħixuha wkoll fil-familji u mhux biss fil-ħajja kkonsagrata.
Fl-omelija, Mons. Grech tkellem dwar żewġ sejħiet li jdawlu lil xulxin, li huma s-sejħa għall-ħajja kkonsagrata u s-sejħa għaż-żwieġ u għall-familja. Saħaq ukoll li hemm rabta mill-qrib bejn dawn iż-żewġ sejħiet mas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja li sar f'Ottubru.

Ritratti: Ufficcju Komunikazzjoni, Kurja