It-terroriżmu jissupera l-migrazzjoni bħala l-ikbar theddida għall-Maltin

Fl-iktar stħarriġ riċenti tal-Parlament Ewropew, irriżulta li t-terroriżmu qabeż l-immigrazzjoni irregolari u huwa l-ikbar theddida li qed tinkwieta lill-Maltin.
Fil-fatt, 63% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li l-Unjoni Ewropea għandha tipproteġi liċ-ċittadini mit-theddida tat-terroriżmu.
Eżatt wara t-terroriżmu, il-migrazzjoni mhux ikkontrollata tibqa’ wkoll ta’ tħassib għall-Maltin. 56% wieġbu li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel l-almu tagħha biex tipproteġi liċ-ċitaddini tagħha mill-migrazzjoni. 56% huwa ferm ogħla mill-medja Ewropea ta’ 35%.
Il-Maltin qablu wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel iżjed fejn jidħol il-faqar, l-esklużjoni soċjali, it-tibdil fil-klima u l-qgħad.
Meta mistoqsija liema għandhom ikunu l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament Ewropew, il-Maltin reġgħu poġġew il-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq nett tal-lista tagħhom.
Wara 13-il sena minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, il-Maltin għadhom pożittivi dwar din is-sħubija.
64% tal-Maltin wieġbu li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet ħaġa tajba filwaqt li 4% biss qalu li kienet ħaġa ħażina.
Il-medja Ewropea ta’ dawk li wieġbu li s-sħubija kienet waħda tajba hija ta’ 57% filwaqt li 12% hija l-medja taċ-ċittadini Ewropej li jaħsbu li pajjiżhom ma marx tajjeb fl-Unjoni Ewropea.
Il-Maltin wieġbu wkoll fil-pożittiv meta mistoqsija jekk il-pajjiż ibbenefikax mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
89% tal-Maltin wieġbu li l-pajjiż ibbenefika mill-Unjoni Ewropea, ħafna iżjed mill-medja Ewropea ta’ 64%.
Kienu 3% biss tal-Maltin li qalu li l-pajjiż ma bbenefikax mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.