“It-terroristi huma bħali u bħalek”

Fr Manfred Deselaers, saċerdot Ġermaniż li ilu għal dawn l-aħħar 20 sena jaħdem fiċ-Ċentru għad-Djalogu u t-Talb f’Auschwitz, qal li “t-terroristi tal-lum huma bnedmin bħalna.”
Meta indirizza lill-ġurnalisti fosthom ta’ Newsbook.com.mt, li żaru ċ-Ċentru bħala parti mill-preparazzjoni għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, Fr Manfred irrefera għal dawk responsabbli mill-massakru fil-Kamp tal-Konċentrament f’Auschwitz, bħala “persuni bħali.”
Wissa kif bħal kważi 80 sena ilu, meta ħadd ma basar x’seta’ jiġri, “din tibqa’ possibbiltà umana.”
"Auschwitz hu post li jwasslek għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi"
Filwaqt li ddeskriva Auschwitz bħala “magna tal-mewt li qatlet 1.1 miljun persuna”, Fr Manfred saħaq li l-kamp tal-konċentrament mhux biss post fejn wieħed jixxokkja ruħu b’memorji kiefra u qarsa, iżda “huwa post li jwasslek għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi.” 
Żied jgħid li Auschwitz hu skola ta’ etika għad-dinja kollha u jista’ jkun post pożittiv għad-djalogu u l-għaqda.
Stqarr li mill-mijiet ta’ Lhud u Pollakki, li ħelsuha mill-mewt tal-kamp tal-konċentrament, tgħallem li dawn in-nies “ma jridux li dak li ġara f’Auschwitz iwaqqagħna f’dipressjoni.”
“Iriduna nitgħallmu minn dak li ġara, nitgħallmu nirrispettaw lil ħaddieħor, u noħolqu ħbiberiji li jgħinuna nibnu dinja aħjar,” kompla jgħid.
"Il-memorja ta' Auschwitz tappellalna biex inħobbu iktar"
Bħala Ġermaniż, jifhem id-diffikultajiet tal-Ġermaniżi għax għadhom qed imissu l-feriti ta’ dak li ġara f’Auschwitz u f’Birkenau. Madanakollu jemmen li l-qawwa tal-imħabba għandha l-aħħar kelma, u li minflok iġġarraf il-fiduċja fl-umanità u f’Alla, “il-memorja ta’ Auschwitz tappellalna biex inħobbu iktar, nafdaw iktar u nfejqu l-ġrieħi.”
Fr Manfred jemmen li ż-żjara tal-Papa Franġisku f’Auschwitz għandha tħalli impatt pożittiv għal tul ta’ żmien.
Iċ-Ċentru twaqqaf fl-1998 bil-għan li joffri post ta’ riflessjoni, edukazzjoni u talb, għal dawk kollha li jħossuhom affettwati b’dak li ġara f’Auschwitz. Fr Manfred jaħdem qatigħ biex jerġa’ jġib il-fiduċja, il-maħfra u l-paċi fost il-popli kollha, b’mod partikolari lil dawk li tilfu l-għeżież tagħhom fil-kamp qattiel.