It-Tenur Nico Darmanin jiddebutta fl-Opra Nazzjonali Estonjana

It-Tenur Malti Nico Darmanin wettaq b’suċċess id-debutt tiegħu fl-Opra Nazzjonali Estonjana fi rwol ta’ Romeo, fl-opra Romeo et Juliette ta’ Gounod. L-opra kellha l-ewwel serata f’Tallinn, l-Estonja nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Settembru fejn ma’ Nico fil-parti prinċipali kien hemm fil-parti ta’ Juliet is-sopran Franċiża Perrine Madoeuf. L-opra kienet taħt id-direzzjoni ta’ Stephen Barlow li r-repertorju tiegħu jinkludi xogħol għall-Metropolitan Opera, Glyndebourne u Covent Garden filwaqt li l-orkestra tmexxiet minn Arvo Volmer, Direttur Artistiku u Mużikali tal-Opera Nazzjonali tal-Estonja.

Fil-kummenti tiegħu lill-istampa wara l-ewwel serata, Nico qal kien ilu jistenna sakemm finalment ikollu l-opportunità li jaħdem fuq ir-repertorju romantiku Franċiż. Huwa ta’ unur u privileġġ li jkanta f’dan it-teatru storiku tal-opra quddiem udjenza tant sabiħa u li ħadem ma’ kast internazzjonali u tim ta’ produzzjoni b’tant eseperjenza.”

Il-kritiku tal-opra tal-gazzetta Estonjana Postimees ikkummenta li ” Nico u Perinne kienu f’armonija perfetta. Huma offrew dak li għandhom joffru s-solisti mistiedna f’opra: talent u kwalità”.

Id-debutt ta’ Nico fl-Opra Nazzjonali Estonjana jsegwi staġun impenjattiv tal-opra fejn kanta ir-rwoli ta’ Alberto f’La Gazzetta ta’ Rossini f’Salzburger Landerstheater, Ernesto fid-Don Pasquale ta’ Donizetti mal-Opra Nazzjonali ta’ Wales u Ferrando fil-Cosi Fan Tutte ta’ Mozart fit-Teatru Manoel.

Il-kritiċi tal-opra jkomplu jitkellmu fuq il-mod kif il-karriera operistika ta’ Nico qed tikber fuq livell internazzjonali. Opernglas Magazine irreferiet għall-prestazzjoni ta’ Nico f’La Gazzetta bħala “is-sorpriża tal-lejla. B’timbru sħiħ Mediterranju wera kant perfett ta’ Rossini, imtella’ b’ornamentazzjoni u dizzjoni preċiża”. Għall-wirja tiegħu f’Don Pasquale, ir-rivista Opera Now ikkummentat li, “il-karattru ta’ Ernesto kollu kant u żfin offra l-punti ewlenin vokali”. F’kumment ieħor, ir-rivista onlajn ta’ Cardiff iddikjarat li“ Malta għandha tkun kburija b’Nico, li għandu vuċi eċċezzjonali u perfetta għal dan ir-repertorju.”

Ftit wara d-debutt tiegħu fl-Opra Nazzjonali Estonjana b’rappreżentazzjonijiet sa’ Jannar 2020, it-tenur Malti se jkun qed jiddebutta wkoll ir-rwol ta’ Rinuccio fil-parti ta’ Gianni Schicci ta’ Puccini għat-Tiroler Landestheater f’Innsbruck.

“Kien staġun eċċitanti li fih esplorajt dan ir-repertorju liriku rikk, sabiħ u grandjuż” qal Nico. “Qed nistenna bil-ħerqa l-istaġun li ġej li jinkludi wkoll ir-ritorn fi rwol favorit tiegħi, Don Ramiro minn La Cenerentola ta’ Rossini li ser issir għal The Grange Festival fir-Renju Unit immexxi mid-direttur mużikali magħruf David Parry”.

Nico Darmanin huwa rrappreżentat internazzjonalment minn TACT International Art Management u f’Malta minn Culture Venture.