It-tenur Għawdxi Angelo Muscat f’kunċert fil-House Museum of Boris Christoff fil-Bulgarija

Angelo Muscat

Għaxar kantanti dan l-aħħar ġew magħżula mid-dinja kollha biex jieħdu sehem fit-tielet edizzjoni tal-Omega Opera Workshop and Audition li saret dan l-aħħar fil-Kapitali tal-Bulgarija, il-Belt ta’ Sofia. Dawn kien ġejjin minn Għawdex (Malta), Serbia, Malasia, Russja, il-Gappun, Latvia u Spanja. 

Il-kantanti kellhom iċ-ċans li jaħdmu fuq it-teknika vokali individwali tagħhom f’lezzjonijiet ta’ kuljum taħt id-direzzjoni tal-Workshop Coaches tagħhom, Krum Galdrov u Daniela Diakova u biex wara jieħdu sehem f’Audition waqt li jirċievu ir-riżultat tal-prestazzjoni tagħhom.  

Fl-aħħar tal-kors, ħadu sehem f’kunċert fil-House Museum of  Boris Christoff waqt li kellhom iċ-ċans li jidhru quddiem Gurija apposta fuq stedina tal-Omega Music Management.

Hekk hu x’kellhom xi jgħidu il-koppja li mexxiet il-kors, Daniela Diakova Mezzo Sopran u Krum Galdrov Baritnu, it-tnejn li huma artisti magħrufa:  Angelo – impressjonjiet mill-isbaħ taż-żagħżugħ Angelo Muscat, b’vuċi tassew sabiħa, b’timbru uniku li temozjona lis-semmiegħa u li ġġiegħlek tixtieq terġa’ tisimgħu. Għalkemm għad għandu biss għoxrin sena, iħaddan talent eċċezzjonali, huwa naturali u tibqa’ mpressjonat bil-preżenża tiegħu. 

Quddiemu għandu l-opportunita’ biex ikompli jtejjeb it-teknika tiegħu u jidħol fil-lista ta’ tenuri magħrufa mad-dinja kollha. 

Lil Angelo nawgurawlu suċċess kbir għax għandu l-kwalitajiet kollha li jsir, u hawn nikkwota a world opera star għall-ġenerazzjoniiet li ġejjin.

Il-grupp tal-kantanti minn diversi bnadi tal-globu

Dan it-tagħrif twassal mill-Kav Joe M Attard