It-tensjoni mar-Russja ma twaqqafx is-swieq Ewropej milli jissaħħu

Iktar sanzjonijiet fuq ir-Russja qed iwasslu biex ikun hemm tensjoni ikbar.
Madankollu dan mhux qed iwaqqaf is-swieq finanzjarji milli jkomplu jirreġistraw progress. Is-swieq Amerikani u Ewropej għamlu progress fl-aħħar jiem.
L-indiċi Ġermaniż DAX għadu f’livelli rekord. L-indiċi Ingliż FTSE 100, li jkopri l-ikbar 100 kumpanija Ingliż,a għadu fl-aqwa livell għall-aħħar seba’ snin. Minkejja li Franza mhux qed ikollha riżultati tajbin bħala pajjiż, is-suq finanzjarju Franċiż qed jissaħħaħ imma għadu ma laħaqx il-livelli rekord tal-2007.
L-ewro rkupra ftit ma’ diversi muniti fl-aħħar jiem wara bidu tas-sena ferm diffiċli. Bl-ewro dgħajjef, kumpaniji Ewropej li jesportaw qed ikollhom iktar ċans ta’ ordnijiet minn pajjiżi barra mill-Ewropa. Id-dollaru Amerikan għadu b’saħħtu ferm hekk kif żamm livelli għolja li laħaq fl-aħħar xhur.
Qatar Airways xtrat kważi 10% tal-ishma tal-kumpanija li tmexxi l-British Airways u l-Iberia. Il-bank Ġermaniż Deutsche Bank irreġistra profitti tajbin fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet. L-ishma ta’ McDonalds raw żieda ta’ 5% fl-aħħar ġimgħa hekk kif tħabbar li se jinbidel min imexxi l-kumpanija.
Minkejja li l-kumpanija AliBaba, li hija pjattaforma online bbażata fiċ-Ċina fejn wieħed jista’ jixtri u jbiegħ prodotti varji, kellha żieda fil-bejgħ, din iż-żieda ma kinetx kemm mistennija. Dan wassal biex l-ishma tilfu 10% fil-valur fl-aħħar jiem. L-ishma ta’ Amazon bdew jirkupraw iżda għadhom ferm ’il bogħod milli jilħqu l-livell rekord li kienu fih fis-sajf li għadda.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment