It-tensjoni bejn it-Torok u l-Griegi fuq l-aġenda tal-Parlament Ewropew

Presidential Press Office/Handout via REUTERS

L-Unjoni Ewropea mistennija tiddibatti l-eskalazzjoni fis-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran wara proposta mressqa mill-Grupp Soċjal Demokratiku.

Il-viċi president tal-Grupp Soċjal Demokratiku għall-Affarijiet Barranin Kati Piri qalet: “Is-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran bdiet teskala b’mod perikoluż minn meta bdew proġetti ewlenin ta’ tħaffir għall-gass qrib pajjiżi ġirien. Ir-retorika ostili tat-Turkija kif ukoll xi inċidenti perikolużi issa laħqu livell bla preċedent.”

Ir-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni Ewropea Josep Borrell kif ukoll il-Presidenza Ġermaniża sejjħu għal djalogu mat-Turkija u talbu lill-gvern ta’ Ankara sabiex jieqaf iwettaq azzjonijiet li jistgħu iżidu t-tensjoni fil-Lvant tal-Mediterran. Il-laqgħa tal-ministri ta’ l-affarijiet barranin ta’ l-UE f’Gymnich il-ġimgħa l-oħra sejjħet għal iżjed sanzjonijiet kontra t-Turkija f’każ li t-Turkija ma tnaqqasx it-tensjonijiet fir-reġjun. Dan mistenni jkun diskuss ukoll waqt il-Kunsill Ewropew li jmiss bejn l-24 u l-25 ta’ Settembru.

“Il-Grupp Soċjal Demokratiku jilqa’ bis-sħiħ dawn il-passi u jsejjaħ biex gruppi politiċi oħra jaqblu mal-proposta tagħna sabiex ikun hemm dibattitu u riżoluzzjoni waqt il-plenarja tal-Parlament Ewropew ta’ ġimgħatejn oħra.”

Ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew għat-Turkija u MEP Soċjal Demokratiku Nacho Sánchez Amor żied jgħid“l-Unjoni Ewropea mhiex it-tielet partit li tista’ tagħmilha ta’ medjatur dwar din il-qagħda, kif l-awtoritajiet Torok ħafna drabi jistennew li jsir. L-Unjoni Ewropea hija l-Greċja u Ċipru! Għalhekk, il-fruntieri Griegi u Ċiprijotti huma wkoll fruntieri ta’ l-Unjoni Ewropea.

“Il-politika aggressiva li t-Turkija qed tħaddem fil-Mediterranean bħalissa qed tkompli ddgħajjef ir-relazzjonijiet ma’ l-Unjoni Ewropea. F’dawn l-aħħar snin, partikolarment minn meta falla l-attentat kolp ta’ stat, it-Turkija baqgħet titbiegħed mill-Unjoni Ewropea u l-politika domestika u esterna ta’ l-istess Unjoni.”

“Għad hemm iċ-ċans li jkunu evitati miżuri negattivi li fl-aħħar mill-aħħar ikunu detrimentali għal kulħadd fir-reġjun. Għad hemm iċ-ċans li nnaqqsu t-tensjonijiet u nirritornaw għad-djalogu.”