It-tennis iżidlek 10 snin ħajja

Studju ġdid jindika li meta tilgħab it-tennis b’mod regolari tista’ żżid sa għaxar snin ħajja. Dan l-isport jista’ jkun aħjar għalik miċ-ċikliżmu, il-ġiri jew l-għawm għax l-esperti iqisu li l-aspett soċjali tal-logħba jagħmel differenza kbira.

Huwa fatt magħruf li dawk li jagħmlu l-eżerċizzju jgħixu aktar fit-tul u l-istudju ta’ kważi 8,600 persuna f’Kopenħagen sab li l-isports soċjali fih iktar benefiċċji. Dawk li jilgħabu t-tennis jgħixu sa għaxar snin aktar, dawk li jilgħabu l-badminton sa sitt snin iktar u l-futbol itik sa ħames snin iktar ħajja minn min ma jagħmilx l-isport.

Sports aktar individwali kellu inqas impatt fuq kemm persuna tkun mistennija tgħix – iċ-ċiklisti jgħixu sa erba’ snin aktar, l-għawwiema u dawk li jiġru ftit iktar minn tliet snin. Ir-riċerkaturi jgħidu li filwaqt li hu important li persuna żżid it-taħbit tal-qalb permezz tal-eżerċizzju biex tgħix fit-tul, li tagħmel kuntatt ma’ persuni oħra huwa important ħafna.

L-istudju tmexxa mis-St Luke’s Health Center f’Kansas u studja l-istil tal-ħajja tat-8,577 persuna. Dawn huma parti minn studju imsejjaħ “Copenhagen City Heart Study” li beda fl-1975 ma’ adulti ta’ bejn l-20 u t-93 sena, għal madwar 25 sena. Fl-istudju tqabblu l-istili tal-ħajja tal-parteċipanti, fost l-oħrajn kemm jagħmlu sports u kif dawn jitqabblu mal-medja tal-età li jgħixu n-nies.

L-awtur tal-istudju, James O’Keefe qal li r-riċerka turi li l-appoġġ soċjali jaħdem biex inaqqas l-effett tal-istress tal-ħajja. Allura meta persuna tiltaqa’ ma’ nies oħra, tilgħab it-tennis bħala tim ma’ xi ħaddieħor, dan kollu jħalli effetti pożittivi psikoloġiċi u fiżiċi. L-istudju juri li dawn l-effetti li jtawlu l-ħajja ta’ persuna iseħħu xorta waħda, irrispettivament mill-età, rikkezza u livell tal-edukazzjoni tal-persuna.

Is-sejbiet tal-istudju ġew ippublikati fir-rivista Mayo Clinic Proceedings.