It-tender tal-fast ferry għall-Qorti

Qed tidher quddiem il-Qorti l-għażla tal-Gozo Channel biex ikollhom kumpanija mhux magħrufa biex tingħaqad magħhom bħala sieħeb fis-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex.

Virtu Ferries oġġezzjonaw għall-fatt li Gozo Channel għażlet li tidħol fi ftehim ma’ Islands Ferry Network Ltd., avolja din il-kumpanija m’għandha l-ebda esperjenza fis-settur. Oġġezzjonaw ukoll għall-fatt li s-sejħa għal sieħeb ma saritx b’mod konform mar-regolamenti dwar l-akkwisti pubbliċi. Għalhekk, ippreżentaw rikors għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront tal-Gozo Channel.

Il-kumpanija Islands Ferry Network tniedet biss ġranet qabel ma l-Gozo Channel ħabbru li t-tender ingħata lilhom, meta t-tender staqsa li l-operatur ikollu esperjenza minima ta’ 5 snin fil-qasam tal-fast ferry. Il-Gozo Channel lanqas m’għandha esperjenza f’dan is-servizz. Minn naħa l-oħra, il-Virtu Ferries topera s-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Sqallija, u ilha taħdem fil-qasam għal 30 sena.