It-tempji siktu imma l-knisja ma waqgħetx fil-muta – l-Isqof Grech

L-Isqof Mario Grech qal li l-imxija li bħalissa laqtet lil Malta wasslet biex waqa’ skiet fit-tempji iżda ċertament li l-poplu ta’ Alla li jifforma l-Knisja ma waqax fil-muta.

F’ittra lis-saċerdoti hekk kif l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbru l-waqfien tal-quddies kollu biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-ġlieda kontra l-virus tal-COVID-19, l-Isqof Grech fakkar lis-saċerdoti li  “il-ministeru tagħna mhux sospiż u għalhekk xorta tibqa’ l-missjoni tagħna li nitolbu għall-komunità”.

Hekk kif il-knejjes siekta u għeri mill-ilħna tal-ġemgħa jnisslu “diqa fil-qalb ta’ ħafna, partikularment fina s-saċerdoti. Dawn il-jiem se ngħixu mumenti li qatt ma għexna bħalhom u li ma jistax ikun li ma jqabbdux fina għadd ta’ ħsibijiet u mistoqsijiet” qal l-Isqof Grech li bħalissa huwa l-Amministratur Appostoliku ta’ Għawdex. F’referenza mtaqqla bi ħsus ta’ dieqa għall-waqfien tal-Ewkaristija, l-Isqof Grech spjega li “ma ħadniex din id-deċiżjoni b’kapriċċ, imma għax qalulna li f’dawn iċ-ċirkustanzi biex il-mikrobu ma jinfirixx huwa importanti li nevitaw li n-nies ma jiltaqgħux fi gruppi”.

Min kien bired qed jerġa’ jitlob

L-Isqof Grech qal li jinsab konvint li jekk fil-preżent il-knejjes tagħna siktu, ma nistgħux ngħidu li l-Knisja (il-miġemgħa) waqgħet fil-muta. “Waqaf it-talb fil-knisja, imma kotrot is-supplika tal-Knisja, partikularment tal-“Knisja tad-dar” (il-familja), kif tikkonfermalna ċerta xhieda li smajna u rajna dan l-aħħar. Anzi, inżid ngħid li anki fost dawk li birdu fil-fidi u saħansitra fost dawk li ma jgħoddux lilhom infushom bħala membri tal-Knisja hemm min qed jitlobna biex insejħu lil Alla biex jieqaf ma’ pajjiżna”.

“Għalkemm fil-jiem li ġejjin aħna s-saċerdoti ma aħniex ser inkunu mmexxu fit-talb lill-ġemgħa miġbura fil-knisja (għax dan huwa temporanjament sospiż), il-ministeru tagħna mhux sospiż u għalhekk xorta tibqa’ l-missjoni tagħna li nitolbu għall-komunità. It-talb huwa l-ewwel servizz li aħna mitluba nagħtu lill-komunità. Dan nagħmluh b’diversi modi, speċjalment meta nitolbu bis-salmi (il-Liturġija tas-Sigħat) u fil-quddiesa”, żied jgħid Mons. Grech.

Twissija lis-saċerdoti

L-Isqof Grech kellu wkoll kliem ta’ twissija għas-saċerdoti “Peress li se nkunu nqaddsu waħedna, nistgħu nkunu mġarrbin biex inqaddsu malajr. Għall-kuntrarju, għandna napprofittaw minn dan il-mument ta’ kalma fejn mhux se jkollna min jgħaġġilna biex ngħixu l-quddiesa b’mod devot ħafna. Il-quddiesa toffrilna esperjenza intima ma’ Ġesù li tpoġġi lilna u lil dawk li nippreżentaw qrib ta’ Alla”.

Talb personali u rispett lejn id-direttivi tas-saħħa

L-attivitajiet pastorali tas-saċerdoti tnaqqsu b’konsegwenza tad-direttivi li ħarġet il-Knisja f’Malta u għaldaqstant, l-Isqof Grech qal li “ nirrakkomanda li nagħmlu aktar ħin għat-talb personali, partikularment fil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija. Mhux se jkun faċli li nitkellmu man-nies dwar Ġesù, għax ma għandniex predikazzjoni, omeliji, u l-bqija, daqs is-soltu, imma jista’ jkun faċli li nitkellmu ma’ Ġesù dwar il-ħtiġijiet tal-proxxmu tagħna, speċjalment billi nsemmulu dak li l-oħrajn jafdawlna. Nirrakkomanda li fir-rispett tad-direttivi li tawna l-Awtoritajiet tas-Saħħa”.

Qrib il-poplu b’tama u kuraġġ

L-Isqof Grech ħeġġeġ li s-saċerdoti jkunu “qrib il-poplu, speċjalment ma’ dawk li huma dgħajfin, biex waqt li nimxu magħhom it-triq tas-suspett u tal-biża’, inwasslulhom kelma ta’ kuraġġ u ta’ faraġ. Ma nħallux il-biża’ jaħkem fuqna wkoll u jwassalna biex nirtiraw mit-toroq. Importanti li nkunu disponibbli aktar mis-soltu kemm għad-direzzjoni spiritwali u kemm għall-qrar. Il-qagħda hija serja, imma nippruvaw mill-ħażin nieħdu t-tajjeb”.

B’referenza ċara għall-possibbiltà li s-sitwazzjoni preżenti ttul, l-Isqof Grech qal li s-saċerdoti għandhom ikunu generużi mal-individwi jew familji li jsibu rwiħhom f’sitwazzjoni prekarja. “Fejn hemm każ ta’ mard gravi l-preżenza tas-saċerdot tkun balzmu; imma biex nevitaw li jkompli jixtered il-mikrobu, wieħed jista’ jikkunsidra li f’dawn iċ-ċirkustanzi naraw jekk ikunx hemm xi membru tal-familja li jwassal l-Ewkaristija lill-marid/a” sostna l-Isqof Grech. Kellu wkoll kliem ta’ wens u kuraġġ għal dawk is-saċerdoti li jwettqu ħidmiethom fl-isptarijiet.

Dwar il-funerali, l-Isqof Grech qal li lil dawk li jkollhom mewt fil-familja, “… niżgurawhom li meta ma jagħmlulhomx funeral bħas-soltu ma humiex se jkunu jonqsu lil dawk li jħalluna”.  

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn