“It-tempesti fil-ħajja jistgħu jkunu opportunitajiet” – l-Isqof Mario Grech

L-Isqof Mario Grech qal li t-tempesti huma parti minn ħajjet il-bniedem imma minkejja dan huwa fakkar li t-tempesta, anki dik spiritwali, mhix biss periklu jew theddida, iżda tista’ tkun opportunità biex wieħed jitgħallem l-arti ta’ kif wieħed jista’ jbaħħar anki f’baħar imqalleb.
Waqt l-omelija fis-60 anniversarju tas-sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Mons. Grech stqarr li meta wieħed ikun f’tempesta faċli wieħed jaħseb li Ġesù raqad jew li Alla huwa assenti. Sostna li minkejja li xi kultant wieħed jibda jaħseb li Alla telqu, Alla ma jkunx nesieh iżda jibqa’ dejjem maġenbu.
Filwaqt li kkwota lit-teologu Bonhoeffer, Mons. Grech qal li Alla ma jeħlisx il-poplu mit-tempesta, imma jeħilsu fit-tempesta għax fi kliem Santa Katerina minn Siena, “Alla ma jagħtiniex is-soluzzjoni għad-diffikultajiet li jkollna, imma jagħti lilu nnifsu”.
Fil-ħsieb tiegħu huwa tkellem dwar ħajjet il-fundatriċi tas-Sorijiet Karmelitani, il-Beata Marija Crocifissa Curcio, li mietet sittin sena ilu.  L-Isqof Mario Grech qal li l-Beata Marija kienet taf x’inhuma t-tempesti fil-ħajja għax kellha taqbida sħiħa biex tgħix ħajja Nisranija minħabba li missierha kien antiklerikali.
Spjega li l-Beata Marija kienet issib il-kenn tagħha fil-Madonna tal-Karmnu u fi kliemha f’mumenti iebsa kienet tħoss lill-Madonna terfagħha fuq riġlejha u tħaddanha u b’hekk kien ikollha żewġt itfal f’idejha: lilha u lil Ġesù.
Hekk kif il-Beata Marija Crocifissa Curcio hija fundatriċi tas-Sorijiet Karmelitani, u l-istorja tas-Sorijiet f’Għawdex hija marbuta mal-istorja tal-Iskola ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Mons. Grech dawwar il-ħsieb tiegħu fuq l-iskejjel tal-Knisja u ħeġġeġ lill-iskejjel biex jgħinu lit-tfal mhux biex joħolmu ħajja bla tempesti imma biex meta jgħaddu minn daw id-drammi tal-ħajja, iżommu quddiem għajnejhom li mhumiex waħedhom.
L-Isqof saħaq li l-iskejjel tal-Knisja mhumiex biss akkademja fejn it-tfal jitgħallmu l-lingwi, l-arti, ix-xjenzi u l-bqija. Sostna li l-iskola Kattolika għandha toffri esperjenza li tgħin fil-maturazzjoni tal-bniedem sħiħ, inkluż l-aspett spiritwali għax hija parti mill-għaġna naturali tal-bniedem u mhix strettament verità konfessjonali.