It-temp xitwi lest bil-bagalji f’idu

Jidher li nistgħu nsellmu lit-temp xitwi u nagħtu merħba lit-temp sħun, hekk kif fil-jiem li ġejjin se tiżdied it-temperatura u l-umdità. 
Skont is-sit FirstMalta, li joffri s-servizz ta’ tbassir tat-temp, it-temp sħun se jkompli jippersisti fil-gżejjer Maltin għall-perjodu itwal.
Nhar it-Tnejn 1 ta' Frar, l-umdità se tilħaq l-ogħla livell tagħha b’87%.
Iżjed tard matul din il-ġimgħa, it-temperatura se tilħaq is-17-il grad celsius u se tinħass iżjed minħabba li l-umdità se tilħaq livell għoli u mhux se jaħkem daqshekk riħ.
L-art se tgawdi minn ħalbiet ta' xita matul il-lejl biss.
Is-sit FirstMalta jispjega kif iċ-ċentru tal-Mediterran se jintlaqat minn antiċiklun li mistenni jippersisti għal mill-inqas erba’ ġimgħat. B’hekk in-nofsinhar tal-Ewropa u l-pajjiżi Afrikani tat-Tramuntana qed jesperjenzawh u t-tama għat-temp xitwi taret mar-riħ, għall-inqas sal-bidu ta’ Marzu.