It-tellieqa għat-tmexxija tal-PN tibda minn Facebook?

Wara t-telfa elettorali, partitarji nazzjonalisti diġa qed juru l-preferenzi tagħhom għal min għandu jkun il-kap il-ġdid, wara li kemm Dr Lawrence Gonzi kif ukoll Paul Borg Olivier ddikjaraw li mhux se jikkontestaw għal dawn il-karigi.

Fuq Facebook, infetħu diversi paġni minn partitarji nazzjonalisti biex iħajru lill-kandidat preferut tagħhom jitfa’ l-kandidatura tiegħu.

Fost dawn, l-aktar li jidhru li għandhom appoġġ huma Mario De Marco u Beppe Fenech Adami. Inċidentalment, dawn huma l-ulied tal-Kapijiet tal- Partit fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet, Dr Guido De Marco u Dr Eddie Fenech Adami.

Il-paġna ta’ De Marco tgawdi l-akbar appoġġ, ta’ aktar minn 1700 persuna. Beppe Fenech Adami jsegwi bi kważi elf persuna.

Mhux eskluż li jkun hemm kandidati oħra interessati, fosthom id-deputat Għawdxi Dr Chris Said u d-deputat Clyde Puli, li t-tnejn li huma tkellmu fil-midja fuq il-bżonn li l-Partit Nazzjonalista jħares ‘il quddiem.

Il-viċi kap attwali, Dr Simon Busuttil, għadu ma ddikjarax jekk hux interessat f’xi kariga. Sostna li t-telfa elettorali ma tistax tiġi attribwita lilu għax hu daħal biss fil-bidu tal-kampanja elettorali, u mhux matul il-leġislatura sħiħa. Infatti, f’artiklu li nkiteb illum, hu qal li d-distakk ta’ 36 elf vot jikkonfermaw li r-rebħa Laburista kienet ċerta minn qabel ma bdiet il-kampanja elettorali.