It-tellieqa għal kap tal-PN: Kandidat wieħed?

Read in English.

L-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista sa issa għandha individwu wieħed li wera l-intenzjoni li jikkontesta. Dan huwa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia. Għadu mhux ċar jekk it-tesserati tal-partit hux se jivvutaw direttament jew hux se jkollhom jistennew biex ikunu jafu lil min jistgħu jivvutaw. Dan jiddependi ħafna fuq kemm se jkun hemm persuni li jikkontestaw l-elezzjoni.

Kienu diversi n-nies li ssemmew bħala possibilment kandidati għal din l-elezzjoni. Dr Joe Giglio, Dr Bernard Grech, Dr Alex Perici Calascione, Dr Therese Comodini Cachia, Dr Roberta Metsola u l-Inġinier Mark Anthony Sammut, kollha b’xi mod kienu msemmija fil-possibilità li jikkontestaw din l-elezzjoni. Minkejja li ħadd minnhom ma ddikjara l-intenzjoni tiegħu b’mod ċar, uħud indikaw li lesti jservu fejn ikun hemm bżonn biex ibiddlu u jsaħħu l-partit.

Fil-ġimgħa li għaddiet, Dr Comodini Cachia u Dr Metsola esprimew ir-rieda tagħhom li jservu fejn ikun hemm bżonn . Minn naħa tiegħu Dr Grech, f’intervista waqt Newsbook Hour qal li huwa lest li jwieġeb għas-sejħa tal-pajjiż u l-partit.

Jekk jkun hemm iktar minn żewġ kandidati għal din l-elezzjoni, ikun hemm bżonn elezzjoni preliminari fost il-Kunsilliera li twassal għall-għażla taż-żewġ kandidati għall-fażi finali.

Madanakollu, dawk li jridu li jkun hemm bidla fit-tmexxija tal-partit, qed jitħallew b’dilemma, għaliex filwaqt li għażla wiesgħa ta’ kandidati tirrifletti varjetà ta’ individwi validi, jista’ jkun li din iddgħajjef il-vot ta’ dawk li jridu l-bidla u ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Dr Adrian Delia bħala l-iktar kandidat b’saħħtu fl-elezzjoni mit-tesserati.

Dan kien xenarju li seħħ fl-elezzjoni tal-2017, meta fl-ewwel fażi kien hemm Dr Frank Portelli, Dr Chris Said, Dr Alex Perici Calascione u Dr Adrian Delia.

Mill-elezzjoni tal-2017, il-Partit Nazzjonalista għex wieħed mill-iktar perjodi diviżivi fl-istorja tiegħu. Iż-żerriegħa ta’ dik id-diviżjoni nżraw waqt il-kampanja għat-tmexxija, bil-partit qatt ma jirkupra u jfiq.

Diversi tentattivi għal rikonċiljazzjoni

Kien hemm numru ta’ tentattivi għal rikonċiljazzjoni u għaqda. Madanakollu, iż-żmien għadda u l-ebda mit-tenattivi ma wassal għal soluzzjoni dejjiema, bid-diviżjoni jkollha livelli iktar fondi minn dik ta’ qabel. 

Il-Partit Nazzjonalista għandu r-riskju li jiffaċċja iktar diviżjoni fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Numru ikbar ta’ kandidati jista jwassal biex l-ambjent diviżiv jikber.

Bħalissa għaddejjin sforzi biex ikun hemm kandidat wieħed li jisfida lil Dr Adrian Delia. It-taħditiet sa issa ma kellhomx eżitu konklussiv. Newsbook.com.mt huwa infurmat li dawn it-taħditiet jinvolvu lil Dr Roberta Metsola, Dr Therese Comodini Cachia, Dr Bernard Grech u l-Inġ. Mark Anthony Sammut.

Therese Comodini Cachia

Dr Comodini Cahcia kienet il-Membru Parlamentari proposta bħala l-alternattiva għal Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni mill-membri parlamentari li sfiduċjaw lil Dr Delia fil-Grupp Parlamentari. Il-pożizzjoni oriġinali tagħha setgħet tatha vantaġġ bħala l-ewwel individwu li kienet ippreżentata bħala alternattiva għal Dr Delia. Minkejja l-lingwaġġ konċiljatorju, il-pass li ħadet, jista jkun ta’ ostaklu biex titqies bħala kandidat li jgħaqqad.

Roberta Metsola

Dr Metsola kienet diġà tissemma fil-perjodu tal-elezzjoni tal-2017. Kemm-il darba tissemma bħala papabbli għal kariga ta’ Kap tal-PN, possibilment wara l-elezzjoni li jmiss. Jista’ jkun li dawn l-aħħar ġrajjiet wasslu biex tantiċipa d-deċiżjoni tagħha. Il-ġimgħa li għaddiet hija ddikjarat l-viżjoni tagħha għall-partit u l-pajjiż, li ħafna interpretaw bħala dikjarazzjoni ta’ interess fl-eventwalità li jkun hemm tiġrija. L-ikbar sfida li għandha Metsola hija l-fatt li trid taġġusta għall-mod politiku differenti minn dak li normalment jintuża fi Brussell.

Bernard Grech

Dr Grech deher diversi drabi fuq il-midja u indirizza għadd ta’ attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista u l-Occupy Justice. Għandu l-kariżma u huwa meqjus viċin in-nies u għandu lingwaġġ rikonċiljatorju. Għandu wkoll it-tabella ta’ kandidat ġdid, li dan l-aħħar dejjem tqies bħala pre-rekwiżit għal min irid imexxi lill-PN. Madanakollu jekk wieħed jikkunsidra l-isfidi li ffaċċja Delia, dan jista’ jkun li m’għadux neċessarjament ta’ vantaġġ.

Mark Anthony Sammut

L-inġinier Mark Anthony Sammut ukoll tkellem dwar il-viżjoni tiegħu għall-Partit Nazzjonalista. Viżjoni mirquma fuq valuri u fuq il-fatt li huwa żgħir, ġdid u żagħżugħ. L-età tiegħu, il-fatt li kien hemm mument fejn kien waqaf lil Dr Delia, filwaqt li baqa’ jaħdem fl-istrutturi tal-partit jistgħu jkunu favurih. Madanakollu l-età tista’ taħdem kontrih minħabba l-esperjenza.

Hu mifhum li l-intenzjoni hija dik li jkun hemm kandidatura waħda minn dawn l-erbgħa.

Is-sejħa tiskadi nhar it-Tnejn li ġej

It-Tlieta, il-Kummissjoni Elettorali tal-PN għamlet sejħa formali għal dawk li għandhom interess li jikkontestaw din l-elezzjoni, li tiskadi nhar it-Tnejn li ġej.

Matul il-laqgħat tal-Kumitati tal-Amministrattiv u tal-Eżekuttiv ġew approvati l-istrutturi regolatorji li se jiggvernaw l-elezzjoni li ġejja. Waħda mir-regolamenti tistipula li m’għandux ikun bidu ta’ kampanji qabel mal-kandidati jkunu approvati formalment. Kull kandidat se jkollu jgħaddi minn proċess ta’ due diligence li għandu jieħu massimu ta’ sitt ġimgħat.

Due diligence fuq kull kandidat

Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta, Dr Delia qal li waqt il-laqgħa tal-Amministrativ huwa talab lill-Kummissjoni Elettorali biex tassigura li tagħmel kull proċess ta’ verifika u due diligence bl-aktar mod rigoruż possibli fuq kull min jesprimi interess li jikkontesta din l-elezzjoni.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li dan il-proċess se jsir minn kummissjoni apposta li għad trid titwaqqaf. Ir-regolamenti għal din l-elezzjoni jridu jiġu approvati mill-Kunsill Ġenerali.