It-telgħa tal-Imtaħleb se tinbidel f’post għall-hill climb

It-telgħa tal-Imtaħleb fil-limiti tar-Rabat bħalissa qed tingħata wiċċ ġdid, kif ukoll qed tiġi attrezzata bi crash barriers sabiex tibda sservi bħala post għat-tlielaq tal-karozzi tal-hill climb.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima, saħaq li s-suċċessi fl-isport ma’ jiġux biss għax wieħed jitkellem dwaru iżda jiġu bi pjan serju u fit-tul b’investimenti konkreti.
Waqt żjara fuq is-sit, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg esprima kif it-triq tista’ tintuża ukoll kemm mit-turisti kif ukoll mill-poplu Malti biex taċċessa ż-żoni u x-xenarji tal-madwar.
F’din l-istqarrija konġunta bejn is-segretarjat u l-ministeru msemmijin, intqal li l-investiment ta’ Sports Malta fil-proġett jaqbeż in-nofs miljun ewro u x-xogħolijiet qed isiru minn Transport Malta.
Fil-Baġit 2018, il-gvern alloka €8.1 miljun għall-investimenti fi proġetti fil-qasam tal-isport.
Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew fiż-żmien li ġej.
Ritratt: DOI – Charles Zammit