It-telefonati tal-ġirien ta’ persuni bi problemi tas-saħħa mentali jikkonfermaw l-istigma

Il-customer care tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jirċievi numru konsiderevoli ta’ telefonati minn ġirien ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, li jarawhom “mill-anqas bħala inkonvenjent, u fl-agħar każ anke bħala periklu.”

Dan il-fatt, skont l-aħħar rapport annwali tal-uffiċċju, jixhed li “s-soċjetà għad baqagħla ħafna sabiex tifhem is-sitwazzjoni unika li jaffaċċjaw persuni bi problemi ta’ saħħa mentali,” u li “l-istigma u s-suppożizzjonijiet dwar is-saħħa mentali għadhom preżenti daqs qatt qabel.”

Min-naħa l-oħra, però, l-uffiċċju nnota li f’każijiet bħal dawn, il-ġirien ma kellhomx fejn jirrikorru – apparti għal għand il-pulizija – u din is-sitwazzjoni taggrava l-problema.

L-uffiċċju kkumenta fuq tendenza oħra li nnota fit-telefonati li jirċievi l-customer care: minn qraba ta’ persuni bi problema tad-droga li jixtiequ li l-uffiċċju jiżgura li dawn il-persuni jibqgħu miżmuma fl-Isptar Monte Carmeli, peress li dan l-isptar biss meqjus bħala post sikuri għalihom.

“Filwaqt li l-uffiċċju jifhem il-ħsieb wara talbiet bħal dawn, jaf ikun diffiċli tispjega lil dawn in-nies li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-uffiċċju hu dijametrikament oppost għat-talba tagħhom: hu d-dmir tal-kummissarju li jiżgura li ħadd ma jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli sakemm dan mhux neċessarju għall-kura tagħhom,” stqarr l-uffiċċju.

Però, żied l-uffiċċju tal-kummissarju, dawn it-telefonati jixhdu problema oħra: in-nuqqas ta’ postijiet residenzjali sikuri għal persuni bi problemi tad-droga li ma jikkwalifikawx għal programm ta’ rijabilitazzjoni, jew li mhux interessati fi program bħal dan.

Skont ir-rapport annwali, il-customer care tal-uffiċċju jirċievi madwar 12-il telefonata fil-ġimgħa, u fuq nota pożittiva, dawn it-telefonati jindikaw li kemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali kif ukoll min jieħu ħsiebhom jidhru li qed isiru aktar konxji tad-drittijiet tagħhom skont l-Att dwar is-Saħħa Mentali.