It-Telecareplus teħles lill-anzjani mill-inċidenti

Is-sistema tat-telecare, li kellu l-anzjan li spiċċa maqbud waħdu fin-nirien f’daru fil-Pietà, kienet waħda mill-antiki.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-kumpanija Emcare li tipprovdi dawn is-sistemi, qal li bis-sistema l-ġdida, inċidenti simili għal ta’ dan l-anzjan, setgħu jinqabdu aktar kmieni u saħansitra jistgħu jiġu evitati.
Roland Cachia spjega li r-raġuni għalfejn l-isem inbidel minn Telecare għal Telecareplus huwa biex jirrifletti n-numru ta’ faċilitajiet miżjuda fuq is-servizz. Sostna li l-kaxxa tat-Telecareplus hi aktar intelliġenti u tista’ tiġi programmata b’mod li kull ċertu ħin, l-anzjan jagħfas buttuna li tindika li jinsab tajjeb u jekk din ma tingħafasx, il-kaxxa tibgħat alarm liċ-ċentru tat-Telecare.  Wieħed jista’ anke jitlob li jiġu programmati numru ta’ messaġġi biex iffakkruhom jieħdu l-mediċina.
Cachia żied jgħid li bit-Telecareplus wieħed jista’ jinstalla apparat ieħor skont il-bżonnijiet tal-klijent. Semma pereżempju meta wieħed ikun ibati mid-dimensja u għalhekk qrabatu jagħżlu li jistallaw intruder alarm jew smoke detector. Dan tal-aħħar jagħraf li jkun hemm id-duħħan fil-kamra u jibgħat l-alarm waħdu lil call centre.
Roland Cachia semma wkoll apparat li jintlibes madwar il-polz u f’każ ta’ tisbita jagħraf waħdu li kien hemm waqa’ u l-alarm jintbagħat awtomatikament. Jeżisti wkoll apparat li jinduna jekk jidħol l-ilma jew joħroġ il-gass.
Spjega li l-apparat jiġi b’batterija f’każ ta’ qtugħ tal-elettriku, li sservi 24 siegħa. Saħaq li dan jagħti ferm aktar serħan il-moħħ kemm lill-anzjani kif ukoll lill-qrabathom.
Is-servizz tat-Telecareplus tnieda f’Novembru li għadda u huma eleġibbli għalih dawk li għandhom minn 60 sena ‘l fuq.