It-teknoloġija… Il-lupu liebes ta’ nagħġa fost is-soċjetà?

Madwar il-mejda…
…ħadd ma jitkellem!
Kulħadd mhedi fit-teknoloġija!
Però tajjeb nistaqsu ftit x’effett għandu dan l-apparat fuq ħajjitna? Speċjalment fuq il-ġenerazzjonijiet li tilgħin,  kemm verament aħna qegħdin nużaw it-teknoloġija b’mod korrett?
Ħafna huma dawk li jħarsu lejn din il-bidla teknoloġika bħala parti essenzjali fl-evoluzzjoni tal-bniedem. Infatti, din l-evoluzzjoni teknoloġika tinħass b’saħħitha ħafna, tant li wasslet lill-bniedem sabiex jadatta u jbiddel l-istil ta’ ħajtu biex jgħix ħajja aktar komda u effiċjenti. Ħajja, li żgur togħġob lil kulħadd… mill-kbar saż-żgħar!
Din il-ħajja teknoloġika wasslet lill-bniedem, anke minn età żgħira, sabiex ikun aktar indipendenti u fl-istess ħin, it-teknoloġija ġabret lid-dinja kollha f’post wieħed, tant li llum il-ġurnata, faċilment titkellem mal-qraba u l-ħbieb tiegħek b’mod virtwali. Din l-għaqda virtwali twassal sabiex jitwasslu messaġġi diversi, bħalma ġara, pereżempju fl-attakk aħħari li sar ġewwa Franza, fejn fi ftit minuti, mhux biss inxterdet l-aħbar, iżda wkoll ingħaqdu eluf ta’ persuni bħala sapport kontra t-terroriżmu. Tant hu hekk li l-‘hashtag’#JeSuisCharlie” kienet waħda mill-iktar ‘hashtags’ intużat fl-istorja ta’ ‘Twitter’ li f’temp ta’ erbgħa u għoxrin siegħa ġiet użata minn tlieta punt erbgħa miljun persuna. Rispons simili seħħ kemm-il darba matul l-istorja bħal eżempju f’każ ta’ terremoti, diżastri naturali u inċidenti gravi bħal “Bostin Bombings”.
Għaldaqstant, bħal munita, din it-teknoloġija, tista’ twassal messaġġi kemm pożittivi u anke wħud negattivi u jħallu impatt fuq is-soċjetà. Jista’ jagħti l-każ , li dawn l-effetti ftit nagħtu kashom u għaldaqstant, iwasslu għall-konsegwenzi mhux xierqa.
Hija sfortuna li It-teknoloġija xi kultant qiegħda tisraq bil-mod il-mod l-aktar pilastru importanti fl-iżvillupp tal-bniedem, is-soċjaliżazzjoni. Firxa wiesgħa mis-soċjetà qed jippreferu jqattgħu sigħat sħaħ fuq l-internet milli joħorgu u jissoċjalizzaw. Infatti, skont statistika li ħarġet dan l-aħħar, il-ġenerazzjoni li tiela’ bħalissa, għandhom ħafna inqas ħbieb mill-ġenerazzjoni ta’ madwar għoxrin sena ilu. Din il-bidla teknoloġika qed twassal sabiex il-ġenerazzjoni li tiela’ tibbaża aktar fuq ħbieb virtwali milli fuq ħbieb tad-demm u l-laħam! Il-bniedem jikber b’mod komplet u fl-intellett permezz ta’ katina t’esperjenzi li jibni minn meta jkun għadu zgħir.  Din il-katina ta’ esperjenzi tgħinna nimmaturaw, niftħu moħħna u nsiru aktar intelliġenti u responsabbli.
Apparti minn hekk, hemm bżonn li nsiru nagħrfu abbuż virtwali li nistgħu niltaqgħu mieghu bħas-‘cyberbullying’, ‘hacking’ u anke ksur ta’ privatezza. Hija sitwazzjoni perikoluża, fejn tfal żgħar jitħallew jużaw l-internet mingħajr ic-‘Child Protection Filter’ u jitħallew jitkellmu ma’ nies, jew kif inhuma magħrufa “friends”, mingħajr qatt ma jkunu ltaqgħu magħhom. Sfortunatament, kienu bosta l-każijiet lokali u anke internazzjonali, fejn tfal spiċċaw jitkellmu ma’ persuni li mingħalihom huma tal-età tagħhom, u fil-verità jkunu persuni totalment differenti.
Hawnhekk nagħmel referenza ghal każ tas-sit soċjali bl-isem ta’  ‘Ask.FM’, fejn nies anonimi jistgħu jistaqsu li jridu lil nies li jkollhom account mas-sit. Każ sfortunat kien  madwar sentejn ilu, fejn Hannah Smith temmet ħajjitha wara xhur sħaħ ta’ bullying minn persuni anonimi fuq dan is-sit .
Sitwazzjoni perikoluża oħra hija l-ammont ta’ ritratti u vidjows li jittellgħu kuljum fuq l-internet. Ftit huma dawk li jħabblu rashom li minn sempliċiment ritratt li tkun ħadt fid-dar, qed turi x’għandek u m’għandekx f’darek jew fid-dar tal-ġenituri tiegħek. Hawnhekk inti ftaħt il-bieb tal-privatezza tiegħek, l-iktar ħaġa għażiża li għandek  u stedint lid-dinja kollha tidhol u tara x’għandek.
Huwa d-dover tal-ġenituri  li  jgħallmu lil uliedhom kif jużaw l-internet u apparat elettroniku b’mod korrett. Ikun għaqli li-istituzzjonijiet edukattivi jkomplu jrawmu karattri li kapaċi jagħrfu t-tajjeb u l-ħażin u jedukaw sabiex ikollna ħajja teknoloġika sana.
Problema akuta oħra hija li tant kemm drajna fil-kumdità, li diffiċli ħafna nqumu minn fuq is-siġġu jew is-sufan u nipprattikaw xi sport jew nimxu xi mixja fil-kampanja. L-istatistika f’Malta turi li l-livell ta’ obeżit’ qiegħed dejjem jogħla b’rata mgħaġġla. Ghaldaqstant hemm bżonn li l-awtoritajiet iġibu lill-poplu aktar konxju minn din il-problema u flimkien naħdmu sabiex noħonqu s-sors tal-problema tal-obeżità u ngħixu ħajja b’saħħitha. Filfatt issib diversi għaqdiet li jagħtu opportunitajiet varji li minn età żgħira rrawmu t-tfal f’ ambjent sprotiv u f’attivitajiet sportivi. Hi ħaġa pożittiva wkoll li diversi skejjel jiddedikaw ħin twil ghall-isport u attivitajiet fiżiċi.
Għalkemm din il-mentalita’ favur it-teknoloġija qed twassal għal għażż żejjed fostna, irridu naraw il-mixja u l-avvanzi teknoloġiċi ma jkunux l-għadu tas-soċjetà Maltija imma jkunu l-aqwa għodda għal ħajjitna.
 
Josef Cutajar