It-Teatru Manoel jiddiżassoċja ruħu mill-kummenti ta’ Azzopardi kontra Metsola

Read in English.

It-Teatru Manoel iddiżassoċja ruħu mill-kummenti li għamel id-direttur Mario Philip Azzopardi fil-konfront tal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, meta għajjarha traditura.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Metsola rreaġixxiet għall-messaġġ ta’ Azzopardi, li kien serva bħala direttur artistiku għall-V18 u użat il-messaġġ tiegħu biex tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom milli joħorġu għall-politika. Azzopardi ddeskriva lil Metsola bħala persuna “marida” u qal li “pajjiżha jobgħodha”.

Bosta ma qablux mal-kummenti ta’ Azzopardi, fosthom is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, li qalet li filwaqt li ftit taqbel ma’ Metsola, sostniet li li wieħed jgħajjar u jħajjar lil ħaddieħor jobgħod mhux aċċettabbli għaliha. Sejħet l-aġir ta’ Azzopardi diżgustanti.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura José Herrera, mingħajr ma semma s-suġġett fuqiex kien qed jitkellem, ilbieraħ kiteb fuq Twitter li l-ebda messaġġ li jinstiga l-mibegħda ma jista’ jkun tollerat fis-soċjetà, irrispettivament minn min jagħmel il-kumment u fil-konfront ta’ min.

L-attur Philip Leone Ganado lbieraħ kiteb email lit-Teatru Manoel, li sikwit jikkollabora mad-direttur Mario Philip Azzopardi, u talbu jieħu pożizzjoni ċara fuq il-kwistjoni. Leone Ganado xerred dan l-email fuq Facebook u ħeġġeġ lil oħrajn biex jagħmlu l-istess. Għadd ta’ persuni involuti fix-xena teatrali Maltija għamlu bħalu u kitbu lid-Direttur tat-Teatru Manoel Kenneth Zammit Tabona sabiex jikkjarifika l-pożizzjoni tat-Teatru fuq il-każ.

I've just written to Kenneth Zammit Tabona, artistic director of the Manoel Theatre, asking him to clarify his position…

Posted by Philip Leone-Ganado on Tuesday, April 28, 2020

Ftit wara, it-Teatru kiteb fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook li jiddiżassoċja ruħu minn dawn il-kummenti. Qal li l-kummenti ta’ Azzopardi ma kinux juru dinjità u ma jirriflettux il-qagħda tat-teatru nazzjonali Malti. Bosta rreaġixxew għal dan billi staqsew lit-Teatru jekk hux beħsiebu jibqa’ jikkollabora ma’ Azzopardi u mal-kumpanija tiegħu, Staġun Teatru Malti, li huwa fost l-aktar kollaboraturi frekwenti tat-teatru.

With reference to the comments made by Mr Mario Philip Azzopardi currently being reported in the media and the spate of…

Posted by Teatru Manoel on Tuesday, April 28, 2020