It-Teatru Manoel iħassar il-pantomima tal-Milied ta’ din is-sena

Din id-deċiżjoni ttieħdet mit-Teatru Nazzjonali ta’ Malta, flimkien ma’ Masquerade Malta, MADC u FM Theatre Productions, minħabba s-sitwazzjoni prevalenti tal-Covid-19.

Read in English.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti marbuta mal-Covid-19, sfortunatament it-Teatru Manoel iddeċieda li jħassar l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-pantomima tal-Milied. Din is-sena Masquerade Malta kienet skedata biex tipproduċi dan l-ispettaklu ferm imfittex mill-familji, bil-ħsieb li tiġi segwita minn MADC fl-2021-2022 u minn FM Theatre Productions fl-2022-2023. It-tliet kumpaniji teatrali jaqblu kompletament ma’ din id-deċiżjoni, u għaldaqstant se jkunu qed imexxu d-dati rispettivi tagħhom b’sena.

Il-pantomima annwali ilha attrazzjoni ewlenija tat-Teatru Nazzjonali ta’ Malta għal għexur ta’ snin, u kemm it-Teatru Manoel kif ukoll it-tliet kumpaniji teatrali prinċipali li huma involuti stqarrew li d-deċiżjoni kienet waħda iebsa. Madankollu, peress li għad hawn wisq inċertezza dwar x’inhu ġej, ilkoll qablu li f’ċirkostanzi bħal dawn mhux fattibbli li wieħed jibqa’ għaddej bi produzzjoni daqstant kbira – li titlob tant ħin, impenn u sforz kreattiv.

Fid-dawl ta’ dan kollu, u b’konsiderazzjoni lejn is-saħħa u s-sigurtà tal-kreattivi u l-udjenzi, it-tmexxija tat-Teatru Manoel bħalissa tinsab ukoll għaddejja b’diskussjonijiet dwar x’se jiġri mill-bqija tal-istaġun teatrali, u għandha tħabbar xi dettalji dalwaqt.

It-tmexxija tat-teatru sinċerament tittama li l-pandemija tintemm ma ddumx, u li l-affarijiet ikunu jistgħu jibdew jirritornaw għan-normal. It-Teatru Manoel ħerqan li jasal iż-żmien meta l-artisti u l-kreattivi lokali u barranin ikunu jistgħu jiġu lura f’dan it-teatru ġojjell u joffru d-divertiment kulturali ta’ kwalità għolja li l-udjenzi issa draw u saru jistennew.