It-“teatrin” tal-programm taċ-ċittadinanza b’investiment – PD

Il-Partit Demokratiku laqqam il-konsultazzjoni li tnediet mill-Gvern dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment bħala teatrin, u talab lill-Gvern biex jieqaf iqarraq bil-poplu fil-ġenn tiegħu biex idaħħal aktar flus.
Żied jgħid li la l-Gvern qal li mhux se jdaħħal l-abort għax ma kellux il-mandat biex jagħmel hekk, mela l-istess missu jagħmel bil-programm tal-bejgħ tal-passaporti għax ma kellux mandat biex jagħmlu fl-2013.
Il-Partit tal-Oranġjo kien qed jirreaġixxi għall-konsultazzjoni pubblika li l-Gvern ħabbar ilbiraħtlula.
Kompla jgħid li ladarba issa l-programm qiegħed hemm, l-anqas ħaġa li seta’ jagħmel il-Gvern hu li jassigura li jkun hemm skrutinju kif sippost fuq min jersaq biex jixtri ċ-ċittadinanza u jinvesti hawnhekk.
Minkejja dan il-PD qal li mhux talli dan ma sarx, talli l-lista ta’ nies li saru ċittadini Maltin turi titfa’ dell ikrah fuq il-mod kif sar dan l-iskrutinju.
Isemmi kif il-Gvern lanqas żamm mal-wegħda li jippubblika l-ismijiet ta’ min xtara ċ-ċittadinanza fil-ħin.
“Dil-konsultazzjoni hi biss qerq mill-Gvern biex iġegħlek taħseb li qed jisma’ lin-nies”, irrimarka l-PD.
Qal ukoll li sippost dal-programm jididskutih il-Parlament u mhux il-Gvern, u allura din tal-konsultazzjoni mhi xejn ħlief mossa.
Żied jgħid li anki l-kundizzjoni li persuna trid tkun ilha tgħix Malta 12-il xahar biex tixtri l-passaport il-Gvern irid ineħħi, wara li lanqas investiga l-indirizzi foloz li, skont il-PD, ħafna pproduċew.
Il-PD temm jappella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieqaf bil-logħob mal-elettorat.