It-teatri f’Għawdex għadhom bl-entużjażmu tas-sittinijiet f’Malta

It-teatri Aurora u Astra f’Għawdex għadhom igawdu mill-entużjażmu ta’ ħafna voluntiera, kif kien jiġri f’Malta fis-sittinijiet. Il-voluntiera jirnexxielhom jagħmlu produzzjonijiet fenomenali u jippreżentawhom lill-pubbliku bi prezzijiet li jista’ jilħaqhom kulħadd. Id-direttur tat-teatru Frank Tanti qal dan f’intervista dwar it-teatru f’Malta fil-programm Mewġiet mill-imgħoddi fuq RTK ma’ Marvic Cordina.

Fi kliemu, fis-sittinijiet iż-żagħżagħ kienu kreattivi u jivvintaw kif se jimlew b’mod interessanti il-ħin liberu wara l-iskola jew ix-xogħol. Kien f’dan iż-żmien li hu u sħabu ħolqu kumpanija żgħira biex jagħmlu r-reċti. Bdew jaddattaw ir-radju drammi ta’ John C. Friggieri għall-palk, bir-regola li kulħadd irid jitgħallem il-linji u b’hekk ma kienx fadal xogħol għas-suġġeritur, li qabel kien jgħid il-linji lill-atturi u jfakkarhom kif iridu jiċċaqilqu fuq il-palk, mingħajr ma tarah l-udjenza.

Isemmi kif fuq il-palk kien ikollu jmidd idu għal kollox skont l-esiġenzi u ħadem ta’ attur, produttur, traduttur, diżenjatur u xeneġġatur. Kien ukoll il-President tal-kumpanija Maleth. Barra mit-teatru imbagħad kien jgħallem il-Matematika.

L-irġiel għat-teatrini; in-nisa għall-purċissjoni

Frank Tanti jirrakkonta kif fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, fl-irħula kien ikun hemm kumpaniji tat-teatrini marbuta mal-każini tal-baned, iffurmati mill-irġiel, li kienu jagħmlu wkoll il-partijiet tan-nisa. It-teatrini kienu forma ta’ żvog apparti l-festa jew il-banda. In-nisa ma kienux jieħdu sehem inkella kienu jitqiesu inqas serji. In-nisa setgħu imbagħad jieħdu sehem fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.

Jgħid li tant kienu popolari t-teatrini li ġieli kienu jagħmlu waħda ġdida kull ġimgħa. Kienu jiltaqgħu sa tliet darbiet fil-ġimgħa biex fost l-oħrajn ipinġu x-xenarju fuq liżar li jkompli jintuża minn ġimgħa għall-oħra, imbagħad quddiemu jqiegħdu l-għamara. L-atturi riedu jkunu jafu l-istorja x’inhu, jitgħallmu l-linji ewlenin u jimprovizzaw.

Isemmi kif fl-Imġarr kienet inbniet sala u fiha kienu jsiru konkorsi tad-drammi tul is-sena kollha bis-sehem ta’ kumpaniji teatrali differenti. Fosthom il-Valletta Dramatic Company, l-MADC, Koperatturi, l-atturi theatre group, bil-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ personalitajiet magħrufa fit-teatru ta’ dak iż-żmien. Fosthom Johnny Navarro, li bħal oħrajn bħalu, ma kienx jiddependi minn skript imma kien kapaċi jivvinta xena.

Jirrakkonta kif il-Maleth kienet magħrufa għall-operetti u bl-inizjattiva tal-Baritonu Joe Fenech – kienu jittraduċu l-operetti għall-Malti. Jirrakkonta wkoll kif filwaqt li l-atturi fuq il-palk jagħtu gost lill-udjenza, isiru ħafna affarijiet anke wara l-kwinti li l-udjenza ma tkunx taf bihom. L-operetti jinvolvu xogħol kbir u organizzazzjoni fejn jinġabru flimkien talenti differenti b’nies jiżfnu, ikantaw, jirreċtaw u orkestra ddoqq.

Il-programm iddiskuta wkoll it-teatri fil-beraħ, fosthom ir-reċta tal-MADC li ssir kull sena f’San Anton, it-teatru griegi, it-teatru mwaqqa’ fil-Belt, il-bitħa tal-università l-antika, Ta’ Qali u t-teatru tal-Università. Issemma wkoll li llum il-ġurnata it-teatru reġa’ qed isir popolari, xi drabi b’erba’ reċti ta’ ġeneru differenti jintwerew fl-istess ħin.