Carmel Pace, l-armel ta’ Miriam Pace, kiteb lil martu li t-tbissima tagħha għadha tispirah biex jgħix il-ħajja b’mod pożittiv.
F’messaġġ emozzjonanti, Carmel fakkar lil martu Miriam propju erba’ xhur wara li hija tilfet ħajjitha meta ġġarrfet id-dar tagħhom fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun, meta kien għaddej xi xogħol ta’ kostruzzjoni maġenbha.
Erba’ persuni qegħdin jitressqu l-qorti b’rabta mal-każ, u l-każ qed ikompli jinstema’ llum, wara li fl-aħħar seduta xehed l-armel ta’ Miriam stess. Bintha Ivana stqarret li kienet għadha mhix lesta biex tixhed.
Fuq Facebook, Carmel Pace sejjaħ lil martu anġlu. Indirizzaha u qalilha li għadu jimmissjaha. Kiteb kif hija kienet il-blata tiegħu kull meta kien jaffaċċja xi diffikultà, peress li kienet tinkoraġġih. Carmel stqarr li meta jirritorna d-dar mix-xogħol, jipprova jkellimha xorta waħda, imma jsib l-immaġni tagħha biss f’ritratt, u jibqa’ mingħajr bewsa jew tgħanniqa, jew mingħajr ma jisma’ leħinha.
Huwa talab lil martu biex titlob għal dawk għeżież għalihom u tipproteġihom.