“It-tbissima kont taraha sa minn fuq l-artal” – Ivan De Battista

Jum speċjali għall-koppja Ivan u Simone De Battista li llum qed jiċċelebraw 20 sena miżżewġa. Huma għandhom żewġ subien, Ryan Mark u Dylan Luke.

F’messaġġ li għamel lil  martu f’okkażjoni tal-anniversarju, Ivan jiftakar li kienet għamlet ġimgħa xita! It-temp dejjem skur u x-xemx qajla kont taraha. Imma dakinhar ix-xemx minn filgħodu bdiet turi.

Wara l-preparamenti kien mar għal knisja fejn sab it-tapit l-aħmar jistennieh.

“Tħossok Re dieħel fuqu. In-nies diġà fil-knisja jħarsu lejk u jitbissmulek. F’ħoġor l-artal tistenna ma’ ħuk ix-xhud sakemm tasal hi. Dejjem ħajtek tistenna!” kompla jikteb hu.

Imma dakinhar l-istennija kienet għaddiet għax ftit wara l-11 ta’ filgħodu tfaċċat Simone lambrazzetta ma’ missierha.

“It-tbissima kont taraha sa minn fuq l-artal. Imbagħad tasal quddiemek, tgħollilha l-mantell u ċċapsilha bewsa mregħda,” kompla jikteb hu waqt li fakkar il-mument li wegħdu mħabbithom lejn xulxin.

“U llum, għaddew 20 sena minn dakinhar… 28 ta’ Mejju, 2000,” temm jikteb hu.

Il-koppja għandhom ukoll l-iskola tad-drama Imagin-Arts, u pproduċew ukoll is-sensiela Stejjer Għal Kulħadd.

Filwaqt li Ivan huwa wkoll awtur ta’ bosta kotba, lil Simone bħalissa qed narawha wkoll tippreżenta l-programm Espresso ma’ Wayne Aquilina fuq l-istazzjon One.

Il-familja De Battista

Awguri lil Ivan u Simone f’dan l-20 anniversarju mit-tieġ tagħhom.