“It-tbatija tiegħek issa għaddiet” – Pawlu Borg Bonaci

Ritratt: Facebook/AntoniaBorgBonaci

Kondoljanzi lill-familja Borg Bonaci li sofriet it-telfa ta’ Antoinette, magħrufa minn bosta bħala Antonia. Bosta huma dawk li jafu lil Antonia minn fuq Facebook fejn kienet tagħti sehem kbir f’paġni u gruppi relatati mal-ikel.

“Saħħiet zija Antoinette. Se nibqa’ niftakar dik it-tbissima u l-kuraġġ inkredibli li kellek. It-tbatija tiegħek issa għaddiet,” kiteb il-mużiċist Pawlu Borg Bonaci, neputi ta’ Antoinette. Huwa wassal ukoll il-kondoljanzi lil zijuh Gejtu, li huwa direttur ta’ Elia Caterers.

Nicholas Borg Bonaci li jmexxi s-Social Channel, ukoll wassal messaġġ għaż-żija tiegħu Antonia. Kiteb kif Antonia, li kellha kanċer, baqgħet tiġġieled sal-aħħar u li għamlet kuraġġ lil kulħadd.

“Ninsab ċert li l-Mulej ha jilqgħek fi ħdanu,” kiteb hu waqt li rringrazzjaha ralli għallmithom jgħixu l-ħajja aħjar.

“Il-familji tagħna ssellimlek, issa ħarisna minn hemm fuq,” temm jikteb hu.

Clayton Brincat, li minn żmien għall-ieħor nippubblikaw ukoll riċetti minn tiegħu fuq newsbook.com.mt ukoll sellem il-memorja ta’ Antonia Borg Bonaci.

“Grazzi Antonia, tar-riċetti bnini u tal-pariri siewja li dejjem tajt minn qalbek! Kondoljanzi lill-familja u ħbieb kollha f’dan il-mument diffiċli,” kiteb hu.

Ivan Gaffiero wkoll esprima d-dispjaċir tiegħu u kiteb “In-Naxxar illum titlef mara b’qalb tad- deheb”.

Kondoljanzi lill-familja Borg Bonaci f’dan il-mument diffiċli.