“It-tbagħbis tal-files hu prova tal-korruzzjoni”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar Ryan Callus sostna li t-tbagħbis fil-files tad-Dipartimenti tal-Artijiet, dwar l-art pubblika li ngħatat lil Gaffarena, jikkonfermaw il-korruzzjoni fil-każ ta’ Strada Zekka.
F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Mark Anthony Sammut, Ryan Callus qal li dan it-tbagħbis hu wkoll xhieda li l-Gvern ta’ Joseph Muscat kaxkar saqajh u ta ċans li jsir cover-up ta’ din il-korruzzjoni.
Callus semma r-rapport tal-Awditur Ġenerali li jirreferi numru ta’ drabi għat-tbagħbis ta’ dokumenti fil-files dwar il-bejgħ ta’ art pubblika lil Gaffarena.
Kompla jgħid li r-rapport jitkellem dwar referenzi f’minuti li ma jaqblux bejniethom, u dwar minuti li ġew numerati mill-ġdid.
Min-naħa tiegħu, Mark Anthony Sammut sostna li frott il-korruzzjoni li ħakmet il-Gvern, ġabet fix-xejn id-Dipartiment tal-Artijiet, fejn ħafna qed jilmentaw minn dewmien fis-servizzi offruti.