It-Tazza tad-Dinja tar-Rugby diretta fuq Rai 2

Il-logħba tar-rugby se tibda tintwera fuq ir-RAI. U x’hemm isbaħ għalihom li dan l-isport se jitnieda bit-Tazza tad-Dinja tar-Rugby li se ssir fil-Ġappun?

L-istazzjon nazzjonali televiżiv Taljan akkwista l-d-drittijiet li juri t-Tazza tad-Dinja  tar-rugby bil-logħob ta’ din is-sena jintwera fuq l-istazzjon Rai 2. Il-logħob hu programmat li jsir bejn l-20 ta’ Settembru u t-2 ta’ Novembru.

Ir-RAI Due se juri l-erba’ logħbiet li fihom jilgħab it-tim Taljan u erbatax-il logħba oħra, fosthom il-logħba tal-ftuħ u l-fażi finali kollha, bil-kwarti tal-finali, is-semi finali u l-finali.

Ritratt: Tokyo Stadium fejn jsir il-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby

It-tim Taljan, li qiegħed fi grupp B, jibda l-logħob nhar il-Ħadd 22 ta’ Settembru fis-7pm (ħin ta’ Malta) kontra n-Namibia. Wara jilgħab kontra l-Kanada, l-Afrika ta’ Isfel u New Zealand, li bħalissa huma l-holders tat-Tazza.

Matul din it-Tazza tad-Dinja se jieħdu sehem 20 pajjiż fejn tqassmu f’erba’ gruppi ta’ ħames timijiet kull wieħed. L-ewwel logħba se tkun bejn il-Ġappun u r-Russja u tintlagħab fit-Tokyo Stadium li jinsab fis-subborg tal-belt kapitali Ġappuniża.

Sir Bill Beaumont, il-President tal-World Rugby, iddikjara li laqgħu bil-ferħ li l-logħob se jintwera mir-RAI. B’hekk l-interess f’dan l-isport għandu jiżdied u jagħmlu fans ġodda.