It-taxxa fuq il-vetturi f’Malta l-ogħla fl-UE

Ir-rata tat-taxxa fuq il-vetturi f’Malta, bħala persentaġġ tat-taxxi kollha, hija l-ogħla fost l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan skont l-aħħar rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea dwar “Ix-Xejriet tat-Taxxi fl-Unjoni Ewropea”, li sab li fl-2015, dan il-persentaġġ żdied għal 3.7% minn 3.4% is-sena ta’ qabel. Din kienet l-ewwel darba f’seba snin li l-istess persentaġġ żdied minflok naqas.
Fi stqarrija, il-Malta Automobile Club qal li s-sena d-dieħla l-Gvern se jdaħħal iktar minn €120 miljun minn liċenzji tas-sewqan, taxxi fuq reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u taxxi annwali ta’ ċirkolazzjoni. 
Madakollu, il-klabb spjega li l-Gvern se jinvesti biss €40 miljun fl-infrastruttura tat-toroq.
Dan ifisser, skont il-klabb, li jekk il-Gvern se jżomm il-wegħda elettorali li jinvesti €700 miljun fl-infrastruttura tat-toroq f’7 snin, sempliċiment se jkun qed irodd lura l-flejjes li ġabar mit-taxxi.
Fl-istqarrija, il-klabb giddeb ukoll l-istqarrija tal-Prim Ministru li l-prezz tal-petrol baqa’ baxxi meta mqabbel mal-bqija tal-UE.
Huwa spjega li l-prezz tal-petrol f’Malta jiġi stabbilit mill-Gvern innifsu u mhux mis-suq, ladarba l-kumpanija Enemed għandha monopolju tas-suq.
Il-prezz tal-petrol bħalissa, jkompli, huwa t-tielet l-ogħla fl-UE, wara d-Danimarka u l-Estonja.
Il-klabb temm jisħaq li s-surplus li rreġistra l-Gvern għandhom igawdu minnu wkoll is-sidien tal-karozzi, billi jitnaqqas il-piż tat-taxxi fuq il-vetturi u billi titjieb l-infrastuttura tat-toroq.