It-Taxxa Ewropea fuq it-Tranżazzjonijiet meqjusa illegali

L-avukati tal-Unjoni Ewropea qed isostnu li t-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijet Finanzjarji l-FTT hija waħda illegali kif proposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Malta kienet ferm kritika ta' din it-taxxa għaliex ixxekkel l-istituzzjonijiet u s-settur finanzjarji f’pajjiżna, li ferm issaħħu matul l-aħħar snin.

Flimkien ma’ Malta, ir-Renju Unit u l-Irlanda wkoll kienu ferm xjettiċi.

Il-proposta kif imressqa kienet sabet l-appoġġ b’mod speċjali mill-Ġermanja u daħlet temporanjament fi Franza.

Il-ħsieb tal-Kummissjoni Ewropea wara din it-taxxa huwa li l-Unjoni tiġbor €35 biljun kull sena mit-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha li jsiru fost it-28 pajjiż membru.

11-il pajjiż kellhom il-ħsieb li jintroduċu t-taxxa mis-sena d-dieħla.

F’Malta ż-żewġ partiti politiċi ewlenin jinsabu kontra d-dħul tal-FTT.

F’post fuq Facebook ftit tal-ħin wara d-deċiżjoni tal-avukati, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sostna li din it-taxxa mhix bżonnjuża biex l-Unjoni Ewropea tissaħħaħ ekonomikament.