Gwerra kummerċjali dalwaqt; Trump ma jridx jaf

It-tariffi l-ġodda Amerikani fuq l-importazzjoni tal-azzar u l-aluminju reġgħu kienu l-mira ta’ kritika ħarxa, din id-darba min-naħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi tal-G7.
Il-Ministru tal-Finanzi ta’ Franza Bruno Le Maire wissa’ li gwerra kummerċjali tista’ tibda fi żmien ftit jiem.
Sadanittant il-Ministru tal-Kummerċ Wilbur Ross iltaqa’ mal-Viċi Prim Ministru Ċiniż  Liu He f’Beijing biex jipprova jnaqqas it-tensjonijiet dwar il-kummerċ.
Min-naħa tiegħu l-President Trump insista fuq Twitter li l-Istati Uniti kienet misruqa fuq tul ta’ snin f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ.
Huwa qal li t-tariffi tal-azzar se jipproteġu l-produtturi tal-azzar Amerikani li huma importanti għas-sigurtà tal-pajjiż. Trump ilmenta wkoll dwar l-ostakoli li kumpaniji Amerikani jiffaċċjaw fl-Ewropa u f’pajjiżi oħra. Huwa żied li dan iż-żmien issa spiċċa.