“It-tarbija ta’ 11-il xahar tista’ tiġi salvata” – Professur Amerikan

Professur Amerikan tkellem mal-isptar Great Ormond Street fuq talba tal-White House, biex joffri provi drammatiċi ġodda fit-tellieqa biex Charlie Gard ta’ 11-il xahar jinżamm ħaj.
Fil-Qorti instema’ li l-ispeċjalista magħruf ġie kkuntattjat mill-impjegati ta’ Donald Trump ‘l għada li l-president kiteb tweet t’appoġġ għat-tarbija.
L-imħallef,  li f’April kien ħa d-deċiżjoni li għandhom jintfew il-magni ta’ Charlie, staqsa lill-ispeċjalista jekk ikunx lest itir lejn Londra biex jeżamina t-tarbija, jekk il-każ jiġi aġġornat għal ftit ġranet oħra.
L-ispeċjalista wieġeb: “Iva, jekk hemm bżonn nieħu gost nagħmel hekk.”
Stqarr mal-qorti li analiżi ġdida ta’ studju fuq disat itfal b’marda li tixbah lil ta’ Charlie, wera li ħamsa minnhom – ekwivalenti għal 56% suċċess – marru għall-aħjar wara t-trattament esperimentali.
Tarbija minnhom li kienet tieħu n-nifs bil-magni għal tmien sigħat kuljum, ma baqgħetx bżonn il-magni.
Charlie ibati minn kundizzjoni rari u b’differenza mit-tfal fl-istudju, il-marda taffetwa mhux biss il-muskoli iżda anke moħħu.
Iżda l-ispeċjalista qal li ma jistax isib provi li Charlie sofra xi ħsara f’moħħu li hi rriversibbli.
Il-ġenituri ta’ Charlie joħorġu rrabjati mill-awla
F’mument waqt is-smiegħ tal-każ, il-ġenituri ta’ Charlie, ħarġu ‘l barra mill-awla, irrabjati għall-Maġistrat li qal, “Il-koppja m’humiex jiġġieldu biex iżommu dak li għandu bħalissa, imma qed jiġġieldu għaċ-ċans biex jagħtuh it-trattament biex possibilment jimxi ‘l quddiem.
Missier it-tarbija qam bilwieqfa u qal, “Ma nistgħux, hux hekk,” filwaqt li żied, “Ħsibt li din il-qorti hi indipendenti.”
Martu kompliet, “Mhux qiegħed isofri u mhux muġugħ.
L-imħallef talab skuża li l-ġenituri setgħu kienu urtati b’li qal u spjega li jifhem li ħarġu mill-awla għax hi sitwazzjoni ddisprata.