It-tarbija kkundannata għall-mewt bi 48 siegħa ċans

Imħallef ta 48 siegħa biss ċans lill-ġenituri tat-tarbija kkundannata għall-mewt fir-Renju Unit, biex jagħtu prova li t-trattament esperimentali li jridu jagħtu lil binhom, se jaħdem.
Il-ġenituri ta’ Charlie, Chris Gard u Connie Yates, kienu f’diffikultà kbira waqt is-smiegħ, u f’mumenti waqqfu lill-avukati u akkużaw l-isptar Great Ormond Street, li qed jigdeb.
L-omm instemgħet tokrob: “Huwa t-tifel tagħna. Isimgħuna.”
F’mument ieħor, il-missier interrompa lill-avukat tal-isptar: “Meta se tibda tgħid il-verità. Qed jigdbulek.” Fi tmiem is-smiegħ, il-missier ħareġ mill-awla u ta daqqa ta’ ponn fuq il-ħajt bil-frustrazzjoni.
Smiegħ ieħor hu skedat għall-Ħamis biex jiddeċiedi l-futur tat-tarbija ta’ ħdax-il xahar.
L-imħallef ħadha mal-President Amerikan Donald Trump li fi tweet il-ġimgħa li għaddiet, offra l-għajnuna tal-Istati Uniti. L-imħallef qal lill-awla: “Irrid niddeċiedi dan il-każ mhux abbażi ta’ tweets imma fuq provi ċari.” Temm jgħid: “Nifhem l-ġenituri se jaħtfu kull possibiltà ta’ tama.”
Il-Papa wkoll offra l-għajnuna biex Charlie jingħata l-kura fl-isptar tal-Vatikan.
Il-ġenituri jridu jieħdu lil binhom għat-trattament fl-Istati Uniti jew l-Italja għall-kundizzjoni ġenetika rari, u jtennu li r-riċerka turi li jista’ jmur għall-aħjar b’mill-inqas 10%.