​It-tarbija fil-ġuf hija parti mill-familja – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jressaq emendi fil-liġi biex jerġa' jiddaħħal ir-rikonoxximent tat-tarbija fil-ġuf bħala parti integrali tal-familja.
Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech qal li l-emendi se jsiru fil-liġi mressqa mill-Gvern dwar il-Vjolenza Domestika.
Grech qal li ltaqa’ ma' delegazzjoni tal-Malta Unborn Child Movement (MUCM), li huwa moviment li jiġbor fih numru ta' għaqdiet li qed jaħdmu favur id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf.
Claudio Grech qal li l-ħidma favur id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf għandha testendi f'oqsma oħra, partikolarment dawk relatati mas-servizzi tas-saħħa għan-nisa li jkollhom tqala diffiċli. Grech qal li hemm ukoll bżonn ta’ estensjoni f'qafas aktar b'saħħtu ta' servizzi soċjali.
Il-Kordinatur tal-MUCM Tony Mifsud enfasizza li l-għan ewlieni li għalih jaħdem dan il-moviment huwa li t-tarbija fil-ġuf tingħata l-protezzjoni u l-ħarsien kollu neċessarju fis-soċjetà.
Il-PN qal li jinnota kif mill-istħarriġ li ġie ppubblikat fil-MaltaToday joħroġ li 97% tal-Maltin u l-Għawdxin ma jaqblux mal-introduzzjoni tal-abort.