It-Taqsima tal-Vjolenza Domestika titmexxa minn vittmi u pulizija trans

Byron Camilleri
Pulizija / Facebook

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li t-Taqsima tal-Pulizija Kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru hija mmexxija minn pulizija li huma vittmi ta’ vjolenza domestika, kif ukoll pulizija trans.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, Camilleri qal li din it-taqsima speċjalizzata ilha xahrejn topera mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, iżda l-intenzjoni tal-Gvern hi li jinħolqu żewġ ċentri lill hinn mid-Depot.

Huwa qal li tul dawn l-aħħar xahrejn, din it-taqsima investigat 300 każ, li 210 minnhom tressqu minn nisa u 90 minn irġiel.

Il-mistoqsija oriġinali ta’ Buttigieg kienet tittratta sentenza li ngħatat fis-27 ta’ Marzu, 2020 mill-Qorti Kostituzzjonali, fejn l-Istat instab ħati li naqas milli jipproteġi vittma ta’ vjolenza domestika u lil uliedha.

Mis-sentenza ħareġ ċar li fis-sistema kien hemm nuqqasijiet lampanti fil-proċeduri tal-pulizija. Hija qalet li mill-provi fil-qorti joħroġ ċar li l-vittma għaddiet minn trawma psikoloġika, mhux biss minħabba l-aġir ta’ żewġha, iżda wkoll minħabba l-impunità minn ċerti restrizzjonijiet li gawda minnhom l-aggressur.