It-tappieri u l-periklu fix-xita jaslu l-Parlament

Il-periklu għas-sewwieqa meta t-tappieri jinqalgħu minn posthom fix-xita, issemma’ fil-Parlament.
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa lill-Ministri għall-Infrastruttura u l-Immaniġġjar tal-Ilma dwar l-użu tat-tappieri fi Triq is-Siġġiewi u jekk hux se jittieħdu passi biex ma jibqgħux jinqalgħu minn posthom meta tagħmel ix-xita.
Il-Ministru Ian Borg wieġeb, li n-numru ta’ tappieri fi Triq is-Siġġiewi fil-parti li tinsab fil-konfini tas-Siġġiewi huma ta’ 32: 12 tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (Sezzjoni tad-Drenaġġ) u 20 ta’ Transport Malta, tas-sistema tal-ilma tax-xita u tal-GO plc.
Meta jinqalgħu dawn it-tappieri, Transport Malta permezz tal-emerġenza tneħħi l-periklu u tinforma lill-entità konċernata biex jittieħdu passi meħtieġa.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Joe Mizzi qal li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 13-il tappiera tad-drenaġġ u mhux 12.