It-tanker tal-LNG jinħareġ mill-moll minħabba l-maltemp

Read in English.

It-tanker tal-LNG tal-kumpanija Electrogas Malta Ltd li jinsab fil-port ta’ Birżebbuġa inħareġ mill-moll u mhux se jkun qed jissupplixxi lill-powerstation bl-LNG minħabba l-maltemp li qed jaħkem il-gżejjer Maltin.

Ilbieraħ filgħaxija l-kumpanija fi stqarrija qalet li qed tagħmel dan bħala waħda mill-miżuri preventivi. Bħalissa t-tanker ‘Armada LNG Mediterrana’ jinsab ankrat 70 metru ‘l barra mill-moll.

Il-Gvern fi stqarrija qal li din il-miżura hija konformi mal-istandards tas-sigurtà tat-teknoloġija l-ġdida tal-gass. Stqarr li din qed tiġri għall-ewwel darba fi tliet snin li ilu Malta dan it-tanker.

L-Electrogas Malta qalet li t-tanker huwa ankrat bi ktajjen jiżnu 35 tunnellata f’kull rokna.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-ħidma mistennija terġa’ lura għan-normal wara li tgħaddi l-maltempata u l-kaptan jiddeċiedi li t-temp huwa sigur li l-bastiment jerġa’ jitrakka mal-moll.

Electrogas Malta Ltd will resume with its operations after the storm passes, and once the FSU tanker captain determines that it is safe for the ship to berth at the jetty.