Aġġornata (3): It-tanker MV Salamis jistenna ‘l barra minn Malta

It-tanker irreġistrat il-Liberja, MV Salamis jinsab idur fil-baħar Malti wara li għal darb'oħra l-Kaptan ma ingħatax il-permess li jidħol Malta. 

Dan jirriżulta mill-mappa bis-satellita. 

Fl-istess waqt il-Gvern fetaħ protest ġudizjarju kontra l-aġenti tat-tanker. 

L-Awtoritajiet Maltin reġgħu għamluha ċara mal-Kaptan Leopoldo Manna li m’għandux permess jidħol fit-territorju Malti.

Abbord it-tanker waslu wkoll membri tas-salvataġġ tal-Forzi Armati ta' Malta li qed jagħtu l-għajnuna lill-immigranti irregolari. 

Abbord l-MV Salamis hemm 102 immigranti irregolari fosthom erba’ nisa li qed jistennew tarbija. Hemm ukoll mara li tinsab midruba u tarbija ta’ ħames xhur. 

Ilbieraħ il-Gvern Malti waqqaf lill-Kaptan ta' dan it-tanker milli jidħol Malta. 

Il-Kummissarju Ewropew Cecilia Malmstrom appellat lill-Gvern Malti biex jaċċetta li dan it-tanker iwassal l-immigranti li hemm abbord.

Malmstrom sostniet li hekk kif is-Salamis jinsab qrib Malta huwa importanti li jiġu salvati l-immigranti abbord.

Il-Kummissarju qalet li l-kwistjoni dwar ir-responsabbilta’ taż-żona tat-tiftix u s-salvataġġ mhix se tgħin lill-immigranti li għandhom bżonn l-għajnuna.

Fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern Malti għandu l-provi li l-Kaptan tal-MV Salamis injora l-istruzzjonijiet mogħtija lilu mill-Awtoritajiet Taljani biex iwassal l-immigranti lura lejn il-Libja.