It-Taljani jeleġġu bħala MEP lit-tabib tal-immigranti f’Lampedusa

Pietro Bartolo, wieħed mill-MEPs Taljani li ġew eletti, huwa deskritt bħala “t-tabib tal-immigranti” f’Lampedusa u kien eċċezzjoni fit-tendenza li n-Nofsinhar tal-Italja jeleġġi lil xi ħadd mil-lemin estrem.

Bartolo ddedika snin sħaħ minn ħajtu lill-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran. Huwa jmexxi l-unika klinika fil-gżira Taljana, li tilqa’ lill-immigranti mal-wasla tagħhom f’Lampedusa.

Huwa ħareġ għall-elezzjoni mal-Partit Demokratiku Sqalli, liema partit ippreżenta lil Bartolo tul il-kampanja bħala l-aħħar difiża kontra r-retorika ta’ kontra l-immigranti tal-lemin estrem. Huwa kien it-tieni kandidat li kiseb l-iżjed voti wara l-kandidat li ħareġ f’isem il-partit ta’ Matteo Salvini. Il-PD kiseb 22.7% tal-voti, filwaqt li Lega, il-partit ta’ Salvini, kiseb 34.3%.

Bartolo, li għandu 63 sena, huwa minn Lampedusa. Huwa jirrifjuta li jsemmi lil Salvini b’ismu imma jirreferi għalih u għall-partit tiegħu bħala “tsunami.” Qal li huwa verament imħasseb bil-voti li kiseb il-partit ta’ Salvini.

L-MEP il-ġdid qal li jrid jiġġieled għal dinja fejn ma jkunx hemm ħtieġa ta’ NGOs jissieltu fl-ibħra, fejn l-immigranti ma jkollhomx ipoġġu ħajjithom f’periklu biex jaslu l-Ewropa. Qal li beħsiebu jiġġieled għal Ewropa li l-immigranti jkunu jistgħu jaslu għaliha permezz ta’ mezzi umanitarji, permezz ta’ ajruplan.