It-Taljani issa jistgħu jitgħallmu l-Malti minn ktieb

Ġew ippubblikati sett ta’ kotba li jġibu l-isem ta’ Maltese per Stragnieri, kotba tal-ewwel livell tas-serje Maltese for Foreigners f’verżjoni Malti/Taljan. Dawn il-kotba huma intenzjonati għat-Taljani li se jibdew jitgħallmu l-lingwa Maltija u jistgħu jintużaw kemm b’mod individwali kif ukoll fi gruppi jew fl-iskejjel.
Dawn il-kotba  jinkludu CD bl-audio files relatati mal-kotba biex l-istudenti jkunu jistgħu jisimgħu kelliema nattivi, jaqraw it-testi jew janimaw id-djalogi. 
L-awtur ta’ dawn il-kotba, Charles Daniel Saliba, mill-2013 sal-2017 ippubblika s-serje ta’ kotba Malti/Ingliż bl-isem Maltese for Foreigners, li fiha 14-il ktieb, tliet sillabi u CD/USB. 
Iż-żieda fil-barranin li jagħżlu li joqogħdu Malta wasslet lil Saliba biex jibda jikteb dawn il-kotba. 
Barra minn hekk, Saliba ppubblika wkoll verżjoni tas-sillabu bit-Taljan, Programma del Corso, u dan jista’ jiġi mniżżel b’xejn minn hawn.
Saliba kiseb id-dottorat mill-Università ta’ Sheffield, fejn speċjalizza fuq it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija. L-istudju tiegħu kien sponsorjat minn Malta Government Scholarship Scheme Grant. Għal aktar informazzjoni fuq kull ktieb, tista’ żżur il-websajt www.charlesdanielsaliba.com