It-Taljani f’taħdidiet mal-Maltin fuq €3 miljun għall-Parlament li ma tħallsux

Il-Gvern Taljan se jidħol f’diskussjonijiet mal-Gvern Malti hekk kif l-awtoritajiet Maltin għadhom ma ħallsux il-pagament kollu li kellhom jagħtu lill-kumpanija minn Parma, Cff Filiberti.
Din hija l-konklużjoni ta’ laqgħa urġenti li saret fl-20 ta’ Jannar li għadda bejn id-diretturi tal-kumpanija Taljana, is-Sindku tar-reġjun u l-Gvern Taljan.
Din il-kumpanija Taljana kienet rebħet il-kuntratt biex tagħmel ix-xogħlijiet tal-irħam u l-granit fil-Parlament il-ġdid fid-daħla tal-Belt li ġie ddiżinjat minn Renzo Piano.
Jirriżulta li l-kumpanija Taljana qed tistenna pagament ta’ €3 miljun.
Ix-xahar li għadda, l-awtoritajiet f’Parma kienu kitbu lill-Ministru Taljan għall-Iżvilupp Ekonomiku biex jidħol f’diskussjonijiet mal-Maltin hekk kif il-kumpanija Filiberti tinsab fix-xifer ta’ kriżi finanzjarja minħabba li l-Gvern Malti għadu ma ħallasx għax-xogħlijiet li saru.
Kumpaniji oħra Maltin għamlu żmien jistennew pagament mill-kumpanija Taljana, li skont il-midja Taljana ma tistax tħallas l-obbligi tagħha minħabba l-problemi finanzjarji li tinsab fihom. Il-kumpaniji Maltin kellhom pendenti pagament li jammonta għal €375,000 mingħand Filiberti.
Wara l-laqgħa tal-ġranet li għaddew, il-Ministeru Taljan enfasizza li fi żmien ġimagħtejn oħra se ssir laqgħa f’Ruma biex jiddiskutu l-konklużjonijiet tal-laqgħa li mistennija li ssir mal-Gvern Malti dwar dan il-każ.