It-talent żagħżugħ lokali fil-kamp tal-mużika

DOI/Clodagh Farrugia O' Neill

L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ, li hu festival ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti, se jkun qiegħed jittella’ fil-15 ta’ Marzu, fit-teatru tal-Kulleġġ San Benedittu, f’Ħal Kirkop.

Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici rreffera għall-importanza ta’ avvenimenti ta’ din is-sura, li jpoġġu fuq quddiem il-bżonn li nibqgħu nippromwovu l-kultura fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa.

L-Għanja tal-Poplu attwalment qiegħda tibbenefika minn cultural partnership agreement mill-Kunsill Malti għall-Arti, li għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet biex jippjanaw, jikbru, jiżviluppaw, u jwasslu l-miri strateġiċi primarji tal-kunsill li primarjament jindirizzaw lil komunitajiet u  professjonisti kreattivi.

L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ se jkollha wkoll l-appoġġ tal-Malta Concert Orchestra li ensemble minnha se tkun qed takkumpanja l-parteċipanti waqt il-festival.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius qal li din is-sena, l-Awtorità tal-Ippjanar hija parti mill-isponsorsewlenin tal-festival tal-Għanja tal-Poplu.

16-il finalist se jkunu qegħdin jipparteċipaw matul dan il-festival, li għandu l-għan li jippromwovi t-talent lokali żagħżugħ. Din l-edizzjoni se tara wkoll li tindirizza l-aspett edukattiv li jitwassal mit-talent artisiku u se sservi bħala pjattaforma ta’ tnedija għall-programm tal-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu, li għandu l-għan li jsaħħaħ l-abilitajiet artistiċi taż-żgħażagħ permezz tal-kitba u  u żvilupp ta’ kanzunetti.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, filwaqt li faħħar l-amministrazzjoni tal-kulleġġ għas-sinerġija li hemm mal-istudenti, saħaq dwar kif attivitajiet bħall-Għanja tal-Poplu qed jagħtu spazju liż-żgħażagħ sabiex ikomplu jimirħu t-talenti tagħhom u jkunu kreattivi:

“Grazzi għall-programm Għanj’ Għalik, immexxi minn Aġenzija Żgħażagħ, iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità li jkomplu jsaħħu l-ħiliet artistiċi tagħhom filwaqt li tkun promossa l-parteċipazzjoni attiva tagħhom f’avvenimenti kulturali li jwasslu għat-tkabbir tat-talent żagħżugħ fil-kitba u l-iżvilupp tal-kanzunetta Maltija.”

L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ qiegħed jiġi organizzat mill-Għanja tal-Poplu flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu, Aġenzija Żgħażagħ, l-Akkademja tal-Malti u l-Awtorità tal-Ippjanar, bil-parteċipazzjoni ta’ Pjazza Teatru Rjal bil-Malta Concert Orchestra.